Tmiem drammatiku għall-aħħar hekk kif il-Ġermanja temmew fl-ewwel post ta’ Grupp A wara d-draw kontra l-Iżvizzera ta’ 1-1. Għall-maġġoranza tal-partita, kollox kien jidher li se tkun lejla diżappuntanti għall-Ġermaniżi hekk kif kienu qed jitilfu sal-aħħar sekondi tal-partita, madankollu gowl bir-ras tas-sostitut Niclas Fulkrug għamel l-iskor indaqs u kkonferma l-ewwel post.
Il-Ġermaniżi ħasbu li marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta meta l-midfielder irtirat Robert Andrich ittanta xortih minn barra l-kaxxa bil-ballun jgħaddi minn taħt idejn il-goalkeeper Sommer u jibqa’ diehel fix-xibka. Wara li r-referee Taljan Orsato kkonsulta mal-VAR, il-gowl tħassar wara li skoprew b’foul li għamel l-attakkant Musiala fuq Akanji fl-azzjoni tal-gowl.
L-Iżvizzera ħadu l-okkażjoni biex imorru fil-vantaġġ huma issa, hekk kif fit-28 minuta kien DAN NDOYE li fetaħ l-iskor. L-attakkantt ta’ Bologna xeħet ġewwa mill-viċin wara li daħal b’inzeriment tajjeb fil-kaxxa u kompla l-kross preċiż ta’ Freuler mix-xellug.
Żewġ minuti wara l-istess Dan Ndoye jerġa’ jkun perikouż b’ġirja individwali mix-xellug fejn jaqbeż lil Rudiger u jittanta xortih minn tarf il-kaxxa, bil-konklużjoni baxxa tgħaddi verament ftit barra mill-wieqfa.
Fid-39 minuta iktar aħbarijiet ħżiena għall-Ġermanja hekk kif Jonathan Tah intwera l-karta s-safra, li tfisser li se jkun nieqes mill-partita tal-aħħar sittax hekk kif diġà kellu waħda mill-partiti preċedenti.
Il-Ġermanja jidħlu jistrieħu b’gowl minn taħt, li jfisser li b’dak ir-riżultat l-Iżvizzera kienu qed jokkupaw l-ewwel post ta’ Grupp A.
Ċans kbir għall-Ġermanja ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, kontrattakk ta’ Musiala li ttanta xortih minn tarf il-kaxxa, però x-xutt ikun ċentrali wisq u jaqa’ f’saqajn Gundogan li b’lasta vojta quddiemu jitfa’ barra kompletament.
Fil-55 minuta l-Ġermanja għal darb’oħra perikolużi permezz tal-midfielder veteran Toni Kross, li b’xutt minn barra l-kaxxa jgħaddi verament viċin tal-lasta.
Fis-70 minuta l-Ġermaniżi jkomplu jersqu viċin tal-gowl, din id-darba permezz ta’ Kimmich li minn żewġ passi ‘l bogħod mil-lasta ma rnexxilux isib ix-xibka, b’Akanji jtajjar il-periklu fil-ħin.
L-Iżvizzeri ħasbu li kkonfermaw ir-rebħa fit-85 minuta meta s-sostitut Vargas ħarab b’ġirja minn wara d-difiża Ġermaniża u għeleb bil-preċiżjoni lil Neuer, madankollu l-gowl ma kienx validu hekk kif l-iskorer kien f’pożizzjoni rregolari.
Kollox kien jidher li se tkun telfa diżappunanti għall-Ġermanja, madankollu l-eroj Ġermaniż NICLAS FULKRUG skorja l-gowl tad-draw fid-93 minuta meta xeħet ġewwa bir-ras minn kross ta’ sostitut ieħor Raum. Żewġ sostituti li biddlu l-partita kompletament, pjan ġenjali tal-kowċ Naglesmann.
//= $special ?>