Internazzjonali

Il-Jemen: Vapur merkantili milqut minn drone fost it-theddida kontinwa mill-Houthi

Ir-ribelli tal-Houthi fil-Jemen mill-ġdid wettqu attakk fuq il-bastimenti merkantili fil-Baħar l-Aħmar, bl-aħħar rapporti jgħidu li wieħed mid-drones sparati laqat vapur u kkaġunalu l-ħsarat. Intant, mhux mifhum li l-vapur għall-ġarr tal-kontejners, irreġistrat il-Liberja, jinsab f’periklu li jegħreq u meta fil-preżent qed ibaħħar lejn port fiċ-Ċina.

Il-Houthi ilhom ix-xhur jheddu l-vapuri f’dik ir-rotta ta’ baħar li hi kruċjali għat-trasport tal-kunsinni kummerċjali lejn bnadi diversi tad-dinja.

Intant, fi tmiem il-ġimgħa saru diversi attakki simili fuq il-vapuri mill-Jemen – u fi żmien meta l-Istati Uniti rtirat l-aircraft carrier USS Dwight D. Eisenhower miz-zona marittima ‘l hinn mill-Jemen fejn kienet ilha għal tmien xhur.

L-istess aircraft carrier kien qed ikun strumentali fir-reazzjonijiet tal-Istati Uniti għat-theddida tal-Houthi – bl-attakki tar-ribelli jwasslu għal tnaqqis drastiku fil-movimenti tal-vapuri fil-Baħar l-Aħmar… rotta ewlenija li sservi lis-swieq tal-Ewropa, l-Asja u l-Lvant Nofsani.

Il-Houthi, intant, qalu li se jkomplu jattakkaw il-vapuri għaż-żmien kollu li tibqa’ għaddejja l-gwerra bejn Iżrael u l-grupp Ħamas, fil-Medda ta’ Gaza.