Lokali

“Il-pajjiż jixraqlu tmexxija li ġġib lill-poplu l-ewwel u qabel kollox” – Bernard Grech

“Il-pajjiż jixraqlu tmexxija li ġġib lill-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex il-poplu jkollu ħajja aħjar.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq Net Television fejn tkellem fuq il-miri kollha li laħaq il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Bernard Grech qal li preżentament għandna Gvern li uriena biċ-ċar li lest li jagħmel minn kollox sabiex iżomm is-siġġu tal-poter fost oħrajn li jabbuża minn dan l-istess poter u li jisraq flus il-poplu Malti u Għawdxi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’numru ta’ proposti li ppreżenta li l-Partit Nazzjonalista; li jkollna mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità, li l-ambjent ikun dritt fundamentali fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna fost proposti oħra.

Rigward il-lokalitajiet fejn intlaħqet maġġoranza relattiva Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jaħdem ma kulħadd iżda fl-istess waqt sostna li għandha tkun rispettata r-rieda tal-poplu. Hawnhekk, huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista għandu maġġoranza relattiva fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u Birkirkara.

Mistoqsi fuq l-ekonomija Bernard Grech qal li b’mudell ekonomiku ġdid l-ekonomija tista’ tkompli tikber kif ukoll fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista sabiex ninvestu f’niċeċ ekonomiċi ġodda.

U hekk kif it-terminu tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà skada Bernard Grech qal li pajjiżna ma jistax ikollu Kummissarjuli jibqa’ sieket quddiem skandli kbar. Huwa saħaq li għandu jkun Gafà stess li jitlaq u ma jġeddidx it-terminu tiegħu.