Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jista’ jikseb il-maġġoranza fl-Elezzjoni Ġenerali

Il-mira tal-Partit Nazzjonalista issa hija li nirbħu l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, dan huwa l-pass li jmiss wara li l-Partit Nazzjonalista laħaq l-għanijiet kollha li kellu għal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt intervista li kellu mal-Malta Indipendent on Sunday wara li l-Partit Nazzjonalista irnexxilu jnaqqas id-distakk bejn il-Partiti fiż-żewġ elezzjonijiet bin-nofs, u rnexxilu jikseb lura l-maġġoranza f’bosta lokalitajiet.

Il-miri tagħna dejjem kienu miri li rnexxielna niksbu u li niggvernaw hija mira oħra li l-Partit Nazzjonalista jista’ jikseb, qal Bernard Grech hekk kif spjega li l-poplu Malti u Għawdxi ta messaġġ ta’ tama lill-Partit Nazzjonalista, però messaġġ li jindika wkoll li jixtieq jara iktar mill-Partit Nazzjonalista.

Minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġedded kif ukoll ikompli jkun viċin tan-nies biex b’hekk tingħata iktar importanza għal dak li jried il-poplu waqt it-tfassil tal-politika, kompla jgħid Bernard Grech waqt li żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu biex ikun iktar inklussiv.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riżultati posittivi fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huma dovuti għat-tmien kandidati bravi u validi li kkontestaw, u qal ukoll li jinsab kburi ħafna bil-President tal-Parlament Ewopew Roberta Metsola li kienet kandidata b’saħħitha ħafna.

Dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, Benrard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista żied il-voti kważi f’kull lokalità u qal ukoll li ma jaqbilx ma’ min jgħid li l-poplu prefera l-Kandidati Indipendenti mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, u ta l-eżempju tal-Mellieħa u Birkirkara, żewġ lokalitajiet fejn il-Partit Nazzjonalisa żied il-voti.

Waqt l-intervista, Bernard Grech saħaq dwar l-importanza li l-ġudikatura titħallha taħdem mingħajr indħil. Saħaq ukoll li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jeħtieġ li jagħmlu dmirhom, hekk kif il-fatt li ma saret l-ebda investigazzjoni parallela huwa nuqqas kbir minn naħa ta’ Gafà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-kelma ‘establishment’ li Robert Abela għamel kampanja sħiħa jsemmi, kienet inkwetanti hekk kif Abela flok għażel li jitkellem b’mod matur, għażel li joqgħod ibeżża’ bl-estbalisment li huwa hu stess.