Internazzjonali

L-Italja: Eluf f’Ruma jwasslu l-messaġġ kontra l-abort u l-liġi tal-ewtanasja

F’Ruma saret waħda mill-akbar protesti kontra l-abort għal snin fiċ-ċentru tal-kapitali – u bid-dimostrazzjonijiet anki jwasslu l-messaġġi kontra l-liġi tal-ewtanasja.

Fid-dimostrazzjonijiet ħadu sehem ‘il fuq minn 5,000 ‘pro-lifer’, jew attivisti favur il-ħajja, li mxew tul it-toroq fost l-għajjat ta’ slogans li jirriflettu r-realtà tas-sitwazzjoni.

Il-protesta kienet organizzata mill-assoċjazzjoni bl-isem ‘Pro Vita e Famiglia’… Assoċjazzjoni li tiddefendi d-dritt tal-ħajja mit-twelid sal-jum tal-mewt naturali minbarra li tippromwovi wkoll il-valuri tal-familji bbażati fuq iż-żwieġ bejn mara u raġel,

Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, li, fost oħrajn, ibbażat il-kampanja tagħha fuq it-tisħiħ tal-familja, illum qed tagħti prijorità lill-kampanji biex jinkoraġġixxu lin-nisa ħalli jrabbu aktar trabi.

Dan bħala mezz biex tonqos mill-kriżi demografika tal-Italja… pajjiż fejn fl-2023 twieldu bħala medja, anqas minn żewġt itfal għal kull mara u li hi anqas miċ-ċifra preċedenti reġistrata fl-2010.

Ir-rata tat-twelid għandha tilħaq it-2.1 għal kull familja jekk il-popolazzjoni ta’ pajjiż għandha tibqa’ stabbli u ma tonqosx tul ix-xhur u s-snin ta’ wara.

Fl-2010, il-popolazzjoni tal-Italja kienet ikkalkulata mad- 59.2 miljuni – dejjem skont l-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Intant, fl-2023, il-poplu Taljan kien ikkalkulat bħala anqas minn 58.8 miljuni.

L-abort fl-Italja ilu legali mill-1978 u Giorgia Meloni insistiet li m’għandhiex ħsieb biex tirriforma l-liġi.

Madankollu, il-Gvern Taljan riċementement għadda leġiżlazzjoni li tippermetti biex il-gruppi ta’ kontra l-abort ikollhom aċċess għan-nisa li jkunu qed jikkunsidraw proċeduri tal-abort fiċ-ċentri għas-saħħa pubblika fejn huma jmorru għall-counselling.