L-Ungerija kisbu l-unika rebħa tagħhom fi Grupp A ft-tielet partita. Kien gowl ta’ Kevin Scoboth wara 100 minuta logħob li tat it-tliet punti lill-Ungeriżi, u fetħet il-possibiltà ta’ kwalifikazzjoni mit-tielet post għall-Ungerija. Kienet partita ddominata totalment mir-rebbieħa, bl-Iskoċċiżi ma juru l-ebda tip ta’ kambjament waqt il-partita.
L-ewwel azzjoni tal-partita marret għall-Ungerija, permezz ta’ xutt ċentrali mill-bogħod ta’ Bolla, b’Gunn isalva tajjeb wara disa’ minuti logħob.
Partita nieqsa mill-azzjonijiet għall-kumplament tal-ewwel taqsima, bl-azzjoni denja ta’ nota li jmiss tasal fil-35 minuta permezz ta’ xutt ieħor minn barra l-kaxxa għall-Ungeriżi, din id-darba permezz ta’ Sallai, però l-konklużjoni tgħaddi sew barra. L-Iskozja ddefendew b’ċertu resiljenza matul l-ewwel taqsima u rnexxielhom iżommu l-avversarji ‘l bogħod mill-kaxxa l-kbira.
Fil-41 minuta l-iktar azzjoni perikoluża tal-partita, għal darb’oħra tasal għall-Ungerija li bla dubju kienu l-aqwa tim f’dawn l-ewwel 45 minuta. Kross minn freekick mogħti mill-istilla tat-tim Szoboszlai lejn id-difensur Willy Orban li b’daqqa ta’ ras jolqot il-minduda.
B’dik l-azzjoni ntemmet l-ewwel taqsima bla gowls, bl-Ungeriżi jkunu t-tim li qiegħed jiġġieled għall-ewwel gowl bit-tama’ li jiksbu t-tielet post.
L-ewwel xutt għall-Iskozja jasal fl-54 minuta meta Che Adams ħa r-responsabbiltà f’idu b’ġirja individwali, madankollu l-konklużjoni ma kinitx tajba biżżejjed.
Tmiem drammatiku immens hekk kif wara 10 minuti ta’ ħin mogħti żejjed, wara ħafna tentattivi lejn il-lasti Skoċċiżi, Kevin Csoboth sab ix-xibka wara 100 minuta logħob għall-gowl tar-rebħa li titfa’ lill-Ungerija fit-tielet post u ċans ta’ kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss. Il-gowl wasal mis-suġġeriment lejn in-nofs ta’ Sallai.
//= $special ?>