Jeħtieġ li nibnu koalizzjoni mal-aħjar imħuħ tal-pajjiż sabiex il-poplu jkollu tama ġdida.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech fi tmiem il-maratona li ġiet organizzata llum, u li xxandret fuq Net TV. Matul il-maratona nġabret is-somma sabiħa ta’ €202,580.
Waqt intervista li saret aktar kmieni, Bernard Grech qal li f’sitwazzjoni fejn kulħadd qed iħoss li l-pajjiż mhux miexi fid-direzzjoni t-tajba, il-poplu issa qed iħoss il-bżonn ta’ tama ġdida.
“In-nies qed jagħmlu kuraġġ, u qed iduru lejn il-PN. Din hija responsabbiltà kbira fuqna”, sostna Bernard Grech.
Hu semma’ kif il-Gvern qed jaħdem biss favur dawk li huma tal-qalba. Dan filwaqt li ż-żgħażagħ u l-ħaddiema mhux jaraw futur għalihom u għal familthom. “Allura tara kif hawn sens ta’ skuntentizza”.
Bernard Grech fakkar kif id-dejn tal-pajjiż tant kiber li issa l-Gvern spiċċa daħħalna f’excessive deficit procedure.
Il-Kap tal-PN fakkar kif Robert Abela waħħal fil-ħaddiema tal-Gvern għad-disfatti li kellu fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju u nsista li din mhix il-politika li l-Maltin iridu. “Irridu nibqgħu umli u viċin in-nies. Irridu politika ta’ awtentiċità”, qal Bernard Grech.
Waqt din l-istess intervista, Bernard Grech qal li bħalissa fil-PN hemm enerġija ġdida u ammont kbir ta’ nies li jridu jikkontribwixxu u jgħinu fil-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>