Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara splużjoni f’garaxx fis-Swieqi

Raġel ta’ 80 sena residenti s-Swieqi spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li sofra xi ħruq hekk kif kien involvut fi splużjoni li seħħet f’garaxx fis-Swieqi stess.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-0720 tas-Sibt filgħodu fi Triq Qantar meta kawża ta’ ħruġ ta’ gass, seħħet splużjoni qawwija li ħasdet il-madwar.

Xhieda fil-post insistew li l-isplużjoni tant kemm kienet qawwija li l-bieb kbir tal-ħadid tal-garaxx nbeżaq ‘il barra b’tali mod li kkawża xi ħsarat fir-residenza li tiġi fuq l-istess garaxx.

Fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lir-raġel l-isptar għal aktar kura.

Filwaqt li l-anzjan ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji, bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Antoine Agius Bonnici li ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.