L-ewwel grupp li beda u l-ewwel grupp li se jintemm f’din l-edizzjoni tal-EURO 2024, bl-ospitanti Ġermaniżi diġa jikkonfermaw posthom mal-aħħar 16 wara r-rebħiet ta’ 5-1 u 2-0 fuq l-Iskozja u l-Ungerija rispettivament. Żewġ partiti pożittivi mmens għal Ġermanja, b’futbol offensiv u intensiv, fejn issa jmiss li jaffrontaw l-Iżvizzera li bħalissa qed jokkupaw it-tieni post, fejn kisbu 4 punti wara r-rebħa ta’ 3-1 fuq l-Ungerija u d-draw ta’ 1-1 mal-Iskozja. Kollox jidher ikkonfermat anke għall-Iżvizzera biex jispiċċaw fit-tieni post u jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss hekk if apparti t-tlett punti distakk mill-Iskozja, huma ghandhom differenza ta’ gowls ta’ 6 gowls aktar.
Fatt interessanti huwa li l-Iżvizzera ma tilfu l-ebda mil-aħħar tlett konfronti tagħhom kontra l-Ġermaniżi, madankollu mill-kamp l-ieħor, għal Ġermanja din hija r-raba’ darba li rebħu l-ewwel żewġ partiti fil-kompetizzjonijiet tal-EURO, speċifikament fil-1972, 1980, 1996 u 2012, bil-Ġermaniżi jirbħu dawk l-edizzjonijiet kollha hlief tal-2012.
Minn naħa l-oħra, kollox għadu miftuh fit-taqtigħa għat-tielet post, li jista’ jfisser kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss. L-Iskozja se tkun qed taffronta lill-Ungerija, biż-żewġ timijiet ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom li taf tkun fundamentali biex wieħed minn dawn it-timijiet ikompli l-avventura tiegħu fil-EURO 2024. L-Iskozja qed jokkupaw it-tielet post permezz tal-punt li kisbu fid-draw kontr l-Iżvizzera, filwaqt li l-Ungerija tinsab fl-aħħar post bla punti.
Żewġ plejers barra għall-Iskozja fl-aħħar partita tal-grupp, wara li d-difensur ta’ Arsenal Kieran Tierney weġġa’ fl-ewwel partita, filwaqt li Ryan Porteous ukoll mhux se jkun involut f’din il-partita wara li tkeċċa għal żewġ logħbiet.
Intant l-ebda plejer mhux disponibbli għall-Ungeriżi f’mument delikat għat-tim ta’ Marco Rossi li tirrikjedi rebħa bilfors biex iżommu t-tamiet ħajjin.
//= $special ?>