TURKIJA………… 4
MALTA…………… 8
(1-2), (1-3), (0-2), (2-1)
B’wirja kollettiva, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena kiseb rebħa komda ta’ 8-4 kontra t-Turkija. It-tim immexxi minn Jonathan Valletta, kellu l-kontroll tal-logħba u ma kinitx sorpriża li ħareġ rebbieħ. B’dan ir-riżultat, iż-żgħażagħ Maltin jilagħbu llum fl-aħħar logħba ta’ klassifikazzjoni għas-17 u t-18-il post.
It-Turkija marret fil-vantaġġ b’gowl ta’ Demir Gulsoy minn man-up. Reazzjoni mit-tim Malti li permezz ta’ interventi fil-lasta minn Zack Dzanovic u gowls minn Philip Tabone kif ukoll minn Shailon Cutajar Casha, temm l-ewwel sessjoni 2-1.
Il-vantaġġ beda jikber fit-tieni sessjoni. Wara li t-Torok wieġbu għall-gowl tal-Maltin, it-tnejn minn sitwazzjoni ta’ superjorità numerika, it-tieni gowl personali ta’ Sam Engerer u gowl miċ-ċentru ta’ Jack Pawley kabbru l-vantaġġ għal 5-2.
Fit-tielet sessjoni, it-Torok resqu aktar qrib lejn il-lasta iżda kemm minħabba li Dzanovic salva diversi drabi u b’nuqqas ta’ preċiżjoni, id-distakk ma naqasx. It-tim Malti rnexxielu jkabbar il-vantaġġ b’gowls ta’ Cutajar Casha u Max Lanzon, distakk ta’ 7-2 li għamilha diffiċli biex it-Turkija tirkupra fl-aħħar sessjoni.
Max Lanzon issiġilla r-rebħa fl-aħħar sessjoni minn penalty. L-uniku konsolazzjoni għat-Torok kienet żewġ gowls fl-aħħar żewġ minuti minn sitwazzjonijiet ta’ superjorità numerika li permezz tagħhom rebħu s-sessjoni. Malta tilgħab l-aħħar logħba f’dan il-Kampjonat tad-Dinja llum kontra l-Iżrael fil-4.45pm fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Turkija: D. Kaleagasi, E. Turan (1), Y. Balkanli, S. Ozkan, D. Gulsoy (1), A. Canoglu, B. Yildiz, B. Kutlu, C. Tahhusoglu, D. Peckanli (1), E. Moroglu, E. Altay, M. Hugul
Malta: Z. Dzanovic, M. Lanzon (2), T. Fenech, A. Aquilina, S. Cutajar Casha (2), M. Cassar, S. Mifsud, S. Engerer (2), J. Pawley (1), J. Borg Tabone, A. Fava, P. Tabone (1), Z. Attard
Referees: Hatem Gaber (Eġittu), Radoslaw Koryzna (Polonja)
//= $special ?>