Lokali

Illejla tilħaq il-qofol tagħha l-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN

Bħalissa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għaddejja l-Maratona Ġbir ta’ Fondi; maratona li qed issir f’għeluq il-Kampanja Elettorali bit-tema ‘Għalik’ – Kampanja tal-Elezzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsilli Lokali.

Din il-maratona qed titqies mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bħala waħda li tasal wara kampanja intensiva ħafna, iżda waħda li ġabet responsabbiltà kbira – maratona li tagħlaq kapitlu u tiftaħ ieħor.

Id-donazzjonijiet tan-nies ser jintużaw biex il-PN iwassal il-messaġġ bil-modi tradizzjonali u anke permezz tal-mezzi soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino fetaħ il-maratona ġbir ta’ fondi flimkien mas-Segretarju amminstrattiv organizzattiv Stefan Caruana, fejn saħaq li din il-Maratona qed issir wara kampanja li kellha riżultati li l-Partit Nazzjonalista laħaq il-miri tiegħu iżda insista li dan mhux it-tmiem imma bidu biex tigi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali l-partit ikun preparat.

Din il-maratona bdiet fl-4pm u se tkompli sal-11 tal-lejla, b’xandira live kemm fuq Net TV, Net FM u fuq Facebook.