Lokali

Cuschieri jċanfar lil-Labour talli mhux jagħmel biżżejjed quddiem it-tbatijiet tan-nies

Il-propagandista ewlieni tal-Labour, Manuel Cuschieri, ħareġ jikkritika t-tmexxija Laburista dwar temi li l-PN ilu xhur sħaħ jitkellem fuqhom – fosthom iż-żieda esaġerata fil-popolazzjoni, it-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata, u anke l-għoli tal-ħajja li qed jagħmilha diffiċli biex wieħed jasal sal-aħħar tax-xahar.

Cuschieri, waqt il-programm tiegħu ta’ kull ġimgħa, ta x’jifhem li l-Gvern iffoka wisq fuq il-flus minflok ta l-istess importanza lejn temi oħra ta’ importanza.

“Il-kwalità tal-ħajja, li tħossok komdu, mhux biżżejjed il-flus fil-but. Biex tħossok kompletament komdu jrid ikollok affarijiet oħra biex jiffaċilitawlek il-ħajja tiegħek, li joħolqulek inqas problemi. It-traffiku hi waħda minnhom.”

Dwar l-għoli tal-ħajja, Manuel Cuschieri ċanfar lill-Gvern hekk kif mhux qed jieħu biżżejjed deċiżjonijiet kontra din it-tbatija tal-poplu.

“Irridu naħsbu iktar, irridu nkunu iktar kreattivi, irridu nieħdu iktar deċiżjonijiet li permezz tagħhom nassiguraw li fejn għandu x’jaqsam il-prezzijiet, nassiguraw li n-nies ma jbatux tbatija.”

Dwar l-ambjent, Manuel Cuschieri wkoll ta tbeżbiża lill-Gvern tiegħu stess.

“Irridu noqogħdu attenti li dak li diġà għandna bħala ambjent sabiħ ma neqirduhx. Inutli mmur għal proġetti ġodda jekk dawk eżistenti, ambjent sabiħ, neqirdu b’xi proġetti li ma jagħmlux sens.”