Fl-Imsida, għandu jsir park b’madwar 2,000 siġra.
Din hija l-proposta li qed tagħmel il-Kamra tal-Periti, bil-għan li minflok il-proġett kontroversjali tal-flyover isir park bis-siġar u jitnaqqas it-traffiku f’din iz-zona.
Il-Kamra tal-Periti qed tgħid li dan il-proġett jieħu inqas ħin biex isir, ma jiswiex aktar flus u fuq kollox jagħti iktar arja nadifa; xi ħaġa li din iz-zona għandha bżonn.
Il-President tal-Kamra tal-Periti Andre Pizzuto spjega mat-Times li lura fl-2020 kien esprima t-tħassib tal-Kamra għal dan il-proġett. Però, huma qatt ma kienu konsultati. Dan minkejja li esprimew ix-xewqa li jkunu involuti professjonalment bħala parti mill-process ta’ konsultazzjoni.
Minkejjla li kienu wrew li xtaqu jiltaqgħu mal-awtoritajiet biex jaqsmu l-ideat tagħhom, din ix-xewqa ma ntlaqgħatx.
Pizzuto qal ukoll li l-Kamra tal-Periti kienet infurmat anke lill-Ministru tat-Toroq Chris Bonnet dwar il-pjanijiet tagħhom. Madanakollu, qatt ma kellhom l-opportunità biex jippreżentaw din il-proposta għaċ-ċentru tal-Imsida.
Il-Kamra qed tinsisti li din il-proposta toffri soluzzjoni isbaħ li ssolvi aħjar il-problema tat-traffiku, hekk kif il-flyover sempliċiment se tkun qed tmexxi t-traffiku għal xi mkien ieħor. Barra minn hekk, huma qed jipproponu li Triq Mikiel Anton Vassali tingħalaq għall-karozzi u jkunu jistgħu jaċċessaw din it-triq it-taxis biss u s-servizz tat-trasport pubbliku. Dan iwassal ukoll biex l-iskatepark ikun jista’ jikber.
Il-Perit Pizzuto qal li l-Awtoritajiet għadhom fiċ-ċans li jbidlu id-direzzjoni, billi jwaqqfu l-pjanijiet għall-flyover tal-Imsida u jimplimentaw dan il-proġett li jista’ jsir fi żmien iqsar… u li kapaċi jħaddar il-qalba tal-Imsida – għalkemm minn naħa tagħhom, Infrastructure Malta qalu li issa hu tard wisq biex isir dan it-tibdil.
Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għat-Trasport, it-Toroq u l-Mobbiltà, bi pjaċir laqa’ din l-alternattiva li pproponiet il-Kamra tal-Periti u qal li dan hu l-mod kif irridu naraw li jsir l-ippjanar tat-toroq u l-infrastruttura f’Malta u Għawdex.
L-ippjanar għandu jsir b’mod sostenibbli u li jpoġġi l-bżonnijiet tal-komunità fiċ-ċentru, b’aktar spazji miftuħa, siġar, u arja nadifa, u billi noħorġu t-traffiku ‘l barra miċ-ċentri tagħna mhux inżiduh, kompla jgħid Sammut.
//= $special ?>