Lokali

Issir it-tletin edizzjoni tal-Wirja Agrarja u ta’ Artiġġjanat f’Għawdex

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Imnarja, nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda l-Kunsill Lokali tan-Nadur flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, organizza it-tletin edizzjoni tal-Wirja Agrarja u ta’ Artiġġjanat fi Pjazza Arċipriet Dun Martin Camilleri, fin-Nadur, Għawdex.

B’sodisfazzjon kbir ġie nnutat li din is-sena kien hemm numru rekord ta’ parteċipanti, madwar 250, li mhux biss esebixxew kwantità kbira ta’ frott, ħxejjex, tjur u annimali oħra, kollha prodotti u mkabbra min-Nadurin, iżda l-wirja offriet ukoll numru kbir ta’ diversi għodod, oġġetti relatata mal-biedja u s-sajd u artiġġjanat li juri l-ħiliet tan-Nadurin. Fost l-esebiti wieħed seta’ josserva xogħol bl-idejn fil-ħadid, fl-injam, fil-ġebel, kartapesta, pittura, rakkmu u diversi snajja’ artiġġjanali oħra.

Kienet wirja li n-numru kbir ta’ nies, kemm mil-lokal u oħrajn li attendew għaliha, setgħu jgawdu wkoll il-kant, daqq u żfin tradizzjonali flimkien ma’ ikel u xorb tipiku Malti. Ma naqsux lanqas il-wiri u kompetizzjonijiet ta’ żwiemel u bhejjem oħra, kif ukoll klieb u tjur.

Fuq kollox il-Wirja Agrarja u ta’ Artiġġjanat ta’ din is-sena offriet numru kbir ta’ voluntiera, helpers u Kunsilliera, li taħt id-direzzjoni tas-Sindku Edward Said, irnexxielhom jagħmlu wirja ta’ livell għoli ħafna.

Dan żgur jawgura tajjeb fil-bidu ta’ leġiżlatura ġdida tal-Kunsill Lokali tan-Nadur.