IŻRAEL………….. 8
MALTA………….. 11
(4-2), (2-2), (2-4), (0-3)
Wirja reżiljenti u qalbiena fit-tieni parti tal-logħba kienet biżżejjed biex it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena dawwar logħba li dehret ikkumplikata f’rebħa ta’ valur. Din ir-rebħa fissret li t-tim Malti kklassifika fis-17-il post minn 32 nazzjon parteċipant waqt il-Kampjonat tad-Dinja li sar f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħa.
Komplessivament kienet edizzjoni pożittiva għaż-żgħażagħ Maltin immexxija b’abbiltà mill-kowċ nazzjonali Jonathan Valletta, assistit minn Ryan Coleiro. L-uniku nota li tistona kienet it-telfa kontra r-Rumanija, riżultat li fisser it-tielet post fil-grupp u ċans mitluf għal tal-anqas post mal-ewwel 16 u possibbiltà ta’ ripetizzjoni tar-riżultat fl-aħħar Kampjonat tad-Dinja.
Fl-aħħar edizzjoni li saret f’Volos, il-Greċja, sentejn ilu, Malta kienet ikklassifikat fit-12-il post. Sena ilu bi skwadra identika għal dik li pparteċipat fl-aħħar jiem, Malta spiċċat fl-10 post fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-15-il sena li sar f’Podgorica fil-Montenegro. Ukoll is-sena l-oħra, iżda waqt il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li sar f’Manisa, fit-Turkija, Malta spiċċat fil-11-il post.
Il-logħba għat-tim Malti kienet mill-ewwel għat-telfa b’żewġ gowls kmieni tal-Iżrael. Sam Engerer minn man-up u Philip Tabone annullaw id-distakk, iżda l-avversarji reġgħu skorjaw darbtejn oħra fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni.
Il-vantaġġ tal-Iżrael kiber għal 6-3 sa minuta minn tmiem it-tieni sessjoni sakemm Sam Engerer naqqas id-distakk minn sitwazzjoni oħra ta’ superjorità numerika.
It-tim Malti baqa’ jiġri wara l-avversarji tul it-tielet sessjoni u mar gowl qrib fi tliet okkażjonijiet b’doppjetta ta’ Max Lanzon u gowl ta’ Miguel Cassar. Kien fl-aħħar azzjoni Maltija tas-sessjoni li Shailon Cutajar Casha ġab id-draw minn penalty.
B’sessjoni għat-tmiem, kollox kien għadu inċert. Iż-żewġ timijiet kellhom l-okkażjonijiet tagħhom sakemm lejn nofs is-sessjoni, Sean Mifsud poġġa lit-tim Malti fil-vantaġġ għall-ewwel darba b’gowl minn superjorità numerika. L-istess Mifsud irdoppja l-vantaġġ ftit minuti wara, bit-tim Malti kkontrolla l-isforzi tal-avversarji fl-aħħar żewġ minuti tal-logħba. Shailon Cutajar Casha ssiġilla r-rebħa fl-aħħar sekondi minn penalty.
Iżrael: A. Hemsi, I. Manor, M. Malyshev, I. Dercksen (1), A. Ronen, Y. Gal-On (4), I. Levi (2), A. Neeman, I. Goshen, S. Rafaeli, E. Vashdi (1), A. Shitrit, A. Gilead
Malta: Z. Dzanovic, M. Lanzon (2), T. Fenech, A. Aquilina, S. Cutajar Casha (3), M. Cassar (1), S. Mifsud (2), S. Engerer (2), J. Pawley, J. Borg Tabone, A. Fava, P. Tabone (1), Z. Attard
Referees: Goran Gavrilovic (Kroazja), Rajmund Fodor (Ungerija)
//= $special ?>