Lokali Mużika

Kuluri… ritmu… ħsejjes… ċelebrazzjoni… esperjenza li tieħu lill-ammiraturi ta’ Tribali fi vjaġġ uniku

Noel D’Anastas

Friski mill-prestazzjoni mimlija enerġija, grinta u spettaklu f’dak li wasslu f’Earth Garden Festival ftit tal-jiem ilu, Tribali għadhom kemm niedu album ieħor, il-ħames wieħed tagħhom li jġib l-isem ta’ ‘ALKA’, album li jkompli joħroġ l-artistrija ta’ Tribali b’ħoss aktar organiku.

Tribali jaf il-bidu tiegħu 20 sena ilu, u minn dak iż-żmien ‘il hawn ma waqafx jissodisfa lill-udjenza numeruża tiegħu, ammirazzjoni li dejjem tikber b’attenzjoni wkoll minn udjenzi barranin. L-identità ta’ Tribali hija riflessa fil-mużika versatili maħluqa minn strumenti etniċi mħallta ma’ dawk tradizzjonali li flimkien mal-vuċi, tkompli ssawwar it-timbru ta’ dan il-grupp li mit-twaqqif tiegħu sal-lum baqa’ joffri vibra innovattiva. Jikkumplimentaw il-mużika, Tribali huma magħrufa għall-ispettaklu ħaj li jagħtu kull fejn idoqqu, prestazzjoni mimlija enerġija, festa ta’ kuluri u ċelebrazzjoni li tarhom kemm tarhom, trid terġa’ tarhom. Hu għalhekk li l-pubbliku jikkonkorri bi ħġaru għal din l-esperjenza ta’ spettaklu grantit u komplet.

L-oriġini

Tribali huwa proġett li oriġina mill-moħħ żagħżugħ ta’ Antoine Caruana, id-drummer tal-band. L-istorja tmur lura għall-2003 meta Antoine kien għall-btala fl-Olanda u hemmhekk kien ispirat minn diversi buskers idoqqu fit-triq bi strumenti tal-perkussjoni, strumenti indiġeni li ġejjin minn kontinenti oħra fosthom id-djembe, il-bongos u d-didgeridoo.

Lura Malta, Antoine iltaqa’ ma’ Peter Paul Galea li kompla għenu biex iwettaq il-ħolma tiegħu. Bl-esperjenza vasta li diġà kellhom ma’ diversi bands lokali, b’ħafna xogħol magħġuna mal-fantasija u kreattività, Antoine u Peter Paul irnexxielhom iwaqqfu Tribali kif nafuhom illum.

Membri

Matul is-snin, Tribali ra diversi tibdiliet fil-membri li b’xi mod jew ieħor kollha taw l-impenn tagħhom. Illum, Tribali huwa magħmul minn Antoine u Peter Paul, flimkien ma’ Nik Conti (didjeridoo), Liam Spiteri (bass), Kyle Drakard (kitara u sitar), u Elisa Borg Rizzo, l-uniku membru femminili ta’ din il-band u li ssaħħar l-udjenza bil-kapaċità vokali tagħha.

Fil-kunċerti ta’ Tribali naraw diversi mużiċisti oħra li jkunu mistiedna bħala session musicians. Dawn jinkludu dawk li strumenti tar-ramm (anke wkoll mużiċisti barranin), Robert Spiteri (drums), u Simon Vella (vjolin). Tribali minn dejjem kienu miftuħa għal talent ġdid biex ikun parti mill-prestazzjoni tagħhom, bl-iktar riċenti tkun id-dehra tas-sassafonista żagħżugħa, Sarah Sultana.

Albums

S’issa Tribali nedew xejn inqas minn ħames albums. L-ewwel album iġib propju l-isem Tribali, bl-iktar silta popolari tibqa’ ‘Never Give Up’. Warajh ġie Elephants of Lanka, it-tielet album The Traveller, u r-raba’ album ġab l-isem proprju bil-Malti Raba’, u li fih jinkludi l-ewwel silta bil-Malti wkoll, ‘Bastjan’ (li jien kont użajtha bħala sigla ta’ programm fuq ir-radju fis-sajf ta’ sentejn ilu).

Ix-xahar l-ieħor, Tribali nieda dak li hu l-ħames album, ALKA. Dan l-album beda jinkiteb fl-2021 u rrekordjat fit-Temple Studios bejn l-2023 u din is-sena. Dan inħareġ fuq format ta’ CD, u għall-ewwel darba wkoll fuq vinyl. F’ALKA, insibu ħames siltiet pjuttost twal, fejn is-semmieh ħa jkollu l-opportunità li jerġa’ jesperjenza l-ħoss li l-grupp beda bih fl-2006. F’dan l-album jinħass ħafna l-element tal-ħoss organiku.

Il-kompożizzjonijiet inkitbu kollha minn Tribali, filwaqt li l-lirika miktuba mill-kantanta Elisa. Ir-recording sar mill-engineer David Vella, filwaqt li l-produzjoni saret minn Tribali stess. Id-disinn tal-qoxra tal-album inħadmet minn Liam Spiteri li huwa wkoll membru ta’ Tribali. Id-disinn huwa spirat mill-bajja spettakolari tar-Riviera (Għajn Tuffieħa ż-żgħira). Intgħażlet din îl-bajja għax kien proprju fil-bajja tar-Riviera fejn Antoine u Peter Paul kienu jqattgħu ħafna ħin jaghmlu jamming sessions u kienu spirati għall-proġett Tribali. F’dan l-album hemm il-kollaborazzjoni tas-sassafonista Sarah Sultana u l-vjolinista Simon Vella, filwaqt li hemm ukoll is-sehem ta’ mużiċisti mill-Ingilterra: Josh (trumpet) u James (horn).

Kunċerti

Tribali mhux biss huwa band li joffri esperjenza pożittiva lis-segwaċi lokali, imma huwa isem rinomat f’festivals internazzjonali, fosthom Everness Festival fl-Ungerija. Insemmi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ Tribali fil-Byron Bluefest Festival, fl-Awstralja, liema festival internazzjonali ospita artisti minn kull rokna tad-dinja. Fih Tribali daqqew tliet darbiet. Sinonimu mal-prestazzjonijiet ta’ Tribali huwa l-festival internazzjonali lokali Earth Garden li jittella’ fl-ewwel weekend ta’ Ġunju u jattira parteċipazzjoni numeruża. Dan il-festival, oriġinarjament mibdi minn Desmond Vella li kien ħalliena snin ilu, illum huwa parzjalment organizzat minn uħud mill-membri ta’ Tribali flimkien ma’ oħrajn.

Tribali jagħti s-sehem f’bosta avvenimenti kulturali u promozzjonali li jiġu organizzati f’pajjiżna. Fil-ġimgħat li ġejjin, Tribali se jdoqq fil-Farsons Beer Festival, u ħa jirritorna b’kunċert spettakolari f’Ħal Għaxaq. Aktar tard din is-sena se jdoqq waqt in-Notte Bianca.

Tribali għadha band żagħżugħa, mimlija entużjażmu u ħeġġa biex tkompli tilħaq l-udjenzi numerużi ġodda. Lil dawk li forsi għadhom qatt ma kellhom l-esperjenza tagħhom mill-qrib, nistidinkom tattendu għal xi festival jew kunċert fejn ikun hemm Tribali. Niggarantilkom li l-grinta tal-prestazzjoni li joffru mal-interazzjoni dinamika mal-pubbliku, tkun esperjenza indimentikabbli.

  • L-album ‘Alka’ huwa limitat. Min jixtieq jakkwista kopja, wieħed irid jikkuntattja lil Tribali fuq il-paġna ta’ Facebook u Instagram jew fuq is-sit https://tribalimusic.com/

Nawgura aktar impenn u suċċess lil Tribali.