Ikomplu jqumu għadd ta’ mistoqsijiet quddiem in-nuqqas ta’ azzjonijiet li kellhom jittieħdu mill-Kummissarju tal-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali fl-isfond ta’ diversi skandli u inkjesti; fosthom dik b’rabta mat-tliet sptarijiet li kienu waqgħu f’idejn Vitals.
L-editur tal-gazzetta The Malta Independent ġibed l-attenzjoni għall-fatt li kemm Angelo Gafà u anke Victoria Buttigieg naqsu milli jiftħu inkjesta b’rabta ma’ Vitals, naqqsu li jinvestigaw lill-persuni msemmija fl-Inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, u saħansitra naqsu li jevalwaw it-78 kaxxa ta’ evidenza li ħarġu minn dik l-Inkjesta.
L-unika azzjoni li ħadu dawn iż-żewġ persuni kienet li jressqu lill-individwi msemmija quddiem il-ġustizzja; bla ma investigawhom huma stess qabel seħħ dan kollu.
Fil-fatt, Gafà serraħ fuq l-Inkjesta Maġisterjali li ħadet erba’ snin u nofs biex tlestiet – u meta kienet lesta, sempliċiment wassal il-kaxxi għand l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u aġixxa daqslikieku kien postman, kif fissret fil-Qorti waħda mill-avukati.
Wara dan kollu, issa fil-Qorti qed iqumu d-dubji dwar il-fatt li l-akkużati qed jaffaċċjaw il-ġustizzja mingħajr ebda investigazzjoni separata mill-Korp tal-Pulizija.
Bl-editur jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet:
- Għalfejn il-Pulizija ma investigatx?
- Min tahom l-ordni biex dan ma jseħħx?
- Min ħa din id-deċiżjoni?
- Dan kollu se jħalli xi impatt fuq il-proċeduri fil-Qorti? U jekk iva, x’se jkunu l-konsegwenzi?
L-unika persuna li tista’ twieġeb dawn il-mistoqsijiet mhu ħadd ħlief il-Kummissarju tal-Pulizija. L-istess persuna li ilha għal dawn l-aħħar xhur taħrab mill-midja tant li kull avveniment fejn qed ikun hemm Angelo Gafà, mhux qed ikunu mistiedna l-ġurnalisti.
L-editur ifakkar kif din it-tattika ilha tintuża għal snin sħaħ, inkluż minn Konrad Mizzi meta kien għadu ministru fejn hu wkoll kien jagħmel minn kollox biex jevita u jaħrab lill-ġurnalisti sabiex ma jkollux għalfejn iwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom.
Kien hawnhekk fejn l-editur għalaq billi stqarr li quddiem il-fatt li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna jinsabu taħt skrutinju kbir, is-sitwazzjoni ma tidhirx waħda pjaċevoli għall-Gvern.
//= $special ?>