L-Arċisqof Charles Scicluna llum ħalla Malta għal Belgrad, is-Serbja, biex jieħu sehem fl-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE). Għal din il-laqgħa se jattendu isqfijiet minn madwar 40 pajjiż Ewropew. It-tema ewlenija ta’ din l-assemblea hi “Pellegrini tat-tama. Lejn Knisja sinodali u missjunarja”.
F’Belgrad, l-isqfijiet se jiddiskutu kif il-Knisja fl-Ewropa, bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama li se jiġi ċċelebrat is-sena d-dieħla, tista’ tkun sors ta’ tama. L-isqfijiet se jaqsmu wkoll l-esperjenzi u l-ideat tagħhom dwar kif il-Knisja xxandar il-ferħ tal-Evanġelju f’dinja sekulari filwaqt li tkompli tkun Knisja missjunarja. Dan anke fid-dawl tat-tieni sessjoni tas-Sinodu dwar is-Sinodalità li se ssir fil-Vatikan f’Ottubru li ġej.
L-assemblea plenarja tas-CCEE qed issir f’Belgrad hekk kif din is-sena qed jiġi mfakkar il-100 anniversarju mit-twaqqif mill-ġdid tad-Djoċesi ta’ Belgrad. Il-laqgħa tal-Isqfijiet Ewropej hi l-ewwel attività li se ssir biex tfakkar dan l-anniversarju importanti għad-djoċesi.
L-aħħar assemblea plenarja tas-CCEE saret f’Novembru li għadda f’Malta, fejn l-isqfijiet iddiskutew uħud mill-isfidi li qed jgħaddi minnhom bħalissa l-kontinent Ewropew u kif il-Knejjes Ewropej jistgħu jaħdmu flimkien biex jegħlbu dawn l-isfidi. Din kienet l-ewwel darba li l-Konferenza Episkopali Maltija ospitat din l-assemblea.
L-assemblea plenarja tintemm il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2024.
//= $special ?>