Fl-aħħar partita ta’ Grupp B, it-tim Nazzjonali Taljan qiegħed ifittex rebħa akkost ta’ kollox kontra l-Kroazja biex jikkwalifikaw awtomatikament fit-tieni post.
Bħalissa t-Taljani jinsabu fit-tieni post ta’ Grupp B b’total ta’ tliet punti wara żewġ logħbiet, bil-punti kollha jaslu fl-ewwel partita fir-rimonta ta’ 2-1 kontra l-Albanija. Gli Azzuri tilfu t-tieni partita tal-grupp kontra Spanja bl-iskor minimu ta’ 1-0, madankollu minkejja l-iskor it-Taljani kienu biss dell tat-tim li rebaħ il-kompetizzjoni tliet snin ilu.
Min-naħa l-oħra, avversarju delikat għat-Taljani fil-forma tal-Kroazja. Tim li kellu ħafna prestazzjonijiet sodisfaċenti matul l-aħħar snin speċjalment f’kompetizzjonijiet internazzjonali, fosthom finalisti tat-Tazza tad-Dinja 2018, u tal-UEFA Nations League 2023, fejn sfortunatament għall-Kroati tilfu ż-żewġ konfronti. Fl-aħħar edizzjoni tal-EURO, il-Kroazja waslu sar-rawnd tal-aħħar sittax.
Il-Kroati ma kellhomx bidu mill-aqwa fl-ewwel żewġ partiti, hekk kif kisbu biss punt wieħed li wasal mid-draw kontra l-Albanija. It-tim immexxi minn Zlatko Dalic għandhom bżonn tliet punti bilfors jekk qed iridu jtemmu fit-tieni post tal-grupp u jikkwalifikaw awtomatikament, madankollu qed jittamaw anke li l-Albanija ma jirnexxiliex tegħleb lil Spanja fil-konfron tagħħhom.
Kroazja ma tilfu l-ebda mill-aħħar seba’ konfronti kontra t-Taljani, fejn rebħu tlieta u temmew fi draw erba’ darbiet.
Federico Di Marco huwa mistenni li jibda l-partita minn fuq il-bank hekk kif sofra injury waqt it-taħriġ, filwaqt li Riccardo Calafiori, Lorenzo Pellegrini, Gianluigi Donnaruma u Bryan Cristante kollha qalgħu karta safra f’konfronti preċidenti, dan ifisser li b’karta safra oħra ma jistgħux ikunu involuti fir-rawnd tal-aħħar sittax f’każ li jikkwalifikaw.
Fil-kamp l-ieħor, l-unika plejer mhux disponibbli għall-Kroazja huwa Nikola Vlasic wara li weġġa’ fil-partita kontra Spanja.
//= $special ?>