Is-Sindku elett fil-Kunsill Lokali tal-Imsida Charles Selvaggi, flimkien mal-Viċi Sindku elett fil-Kunsill Lokali tal-Imsida, Christine Amaira u l-Kunsillieri eletti fil-Kunsill Lokali tal-Imsida Maurice Agius, Alfred Farrugia u Christopher Borg f’isem il-Partit Nazzjonalista, jilqgħu bi pjaċir il-proposta mressqa mill-Kamra tal-Periti bħala alternattiva għall-proġett tal-flyover kif oriġinarjament propost.
Filwaqt li wieħed għad irid jixtarr aktar bir-reqqa id-dettalji ta’ din il-proposta, il-membri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalisa biex jirrappreżentaw lir-residenti Misidjani jinsabu ċerti li din l-alternattiva tista’ tkun waħda li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar lill-Misidjani u lil kull min iżur lil din il-lokalità.
Il-Kunsillieri eletti jfakkru li kellhom ir-riżervi tagħhom għall-proġett tal-flyover kif propost mill-awtoritajiet, aktar u aktar fid-dawl li ma kienet ingħatat ebda garanzija li l-flyover kif proposta kienet se tnaqqas it-traffiku fiz-zona.
Madankollu, il-Kunsillieri dejjem iddikjaraw il-pożizzjoni ċara favur l-ispazju miftuħ li kien propost.
Il-Kunsillieri eletti qed jappellaw biex il-Gvern u l-awtoritajiet konċernati jikkunsidraw immedjatament il-proposta tal-Kamra tal-Periti u mhux iwarrbuha mingħajr ma jaraw jekk din hijiex alternattiva li tagħmel sens.
Is-Sindku elett flimkien mal-erba’ Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista għaldaqstant qed jitolbu laqgħa mal-awtortitajiet kollha kkonċernati f’dan il-proġett biex, flimkien mal-Kamra tal-Periti, tkun diskussa din il-proposta qabel ma jibda x-xogħol fl-Imsida u jaraw jekk din il-proposta jew partijiet minnha jistgħux ikunu implimentati.
Jekk din it-talba tkun milqugħa, il-membri eletti fuq il-Kunsill tal-Imsida f’isem il-Partit Laburista jeħtieġ li wkoll ikunu preżenti għal din il-laqgħa, ladarba din hi deċiżjoni li se taffettwa lill-Misidjani kollha u xogħol il-membri kollha fil-Kunsill hu li jitħarsu l-interessi tar-residenti.
Il-membri eletti fuq il-Kunsill Lokali tal-Imsida f’isem il-Partit Nazzjonalista huma kommessi li jaħdmu bis-sħiħ biex il-Misidjani jingħataw proġett li jtejbilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
//= $special ?>