Lokali

Eks Chairman tal-Enemalta jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista – jgħid li d-deal tal-windfarms tal-Montenegro ma kienx fl-interess tal-pajjiż – PN

L-eks Chairman tal-Enemalta ta raġun lill-Partit Nazzjonalista meta issa, għax mistoqsi direttament mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Karol Aquilina, kellu jammetti li d-deal tal-windfarms tal-Montenegro ma kienx fl-interess ta’ pajjiżna u tal-kumpanija.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li dan id-deal ma kienx fl-interess ta’ pajjiżna.

Barra minhekk, rapport intern li sar mill-Enemalta ukoll kien ikkonferma n-nuqqasijiet gravi li kien hemm f’dan id-deal, fosthom b’membri li nnomina l-Gvern fil-Bord tal-Enemalta li rriżulta li ma kellhomx il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa għal Bord ta’ entità bħal din, iżda kienu maħtura biss għal skopijiet politiċi.

Fix-xhur li għaddew kien sar magħruf ukoll li filwaqt li l-windfarms fil-Montenegro kienu nxtraq għal €3.5 miljun, fil-verità l-Enemalta kienet ħallset €10.3 miljun.

Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-Ministru Miriam Dalli baqgħet tinħeba wara l-fatt li bagħtet ir-rapport lil-Pulizija, mill-aspett amministrattiv ħaslet idejha bħal Pilatu, minkejja li hi responsabbli mill-Enemalta.

U issa li hemm anke konferma minn eks Chairman tal-Enemalta li dan id-deal ma sarx fl-interess tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Ministru Dalli għandha twaqqfu immedjatament.

Dan kollu ntqal fi stqarrijja tal-Partit Nazzjonalista mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus.