Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn fuq sellum f’fabbrika

Raġel ta’ 56 sena residenti l-Iklin, jinsab l-isptar Mater Dei jissielet għal ħajtu wara li waqa’ minn fuq sellum waqt li kien qed jagħmel xi xogħol f’fabbrika.

L-inċident seħħ it-Tlieta filgħodu għall-ħabta tad-9:15 f’fabbrika li tinsab fi Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid.

Il-Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa li weġġa’ raġel waqt li kien qed jagħmel xi xogħol f’fabbrika, bl-investigazzjoni li saret irriżultat li r-raġel weġġa’ wara li waqa’ minn fuq sellum.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar għall-kura fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol
għadhom għaddejjin.