Internazzjonali

Franza viċin l-elezzjoni: Sinjali pożittivi għall-estremisti tar-Rally Nazzjonali…fost il-kummenti dwar ‘gwerra ċivili’

France's President Emmanuel Macron delivers a speech during a joint press conference with Romanian President Klaus Iohannis, Prime Minister of Italy Mario Draghi, Ukraine President Volodymyr Zelenskyy, and German Chancellor Olaf Scholz in Kyiv, Thursday, June 16, 2022. The leaders of four European Union nations visited Ukraine on Thursday, vowing to back Kyiv's bid to become an official candidate to join the bloc in a high-profile show of support for the country fending off a Russian invasion. (Ludovic Marin, Pool via AP)

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, mill-ġdid qed ikun suġġett għall-kritika qalila wara li qal li l-programmi politiċi preżentati mill-estremisti tal-lemin kapaċi jwasslu għal gwerra ċivili f’każ li jkunu implimentati fuq livell nazzjonali.

Il-kummenti ngħataw qabel il-poplu Franċiż, nhar il-Ħadd, jivvota fl-elezzjoni ġenerali fejn jintgħażlu d-deputati għall-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi magħmul minn 577 membru.

It-tieni rawnd tal-votazzjoni, f’każ li jkun neċessarju, hu programmat għal nhar ilĦadd, is-7 ta’ Lulju.

Intant, is-sitwazzjoni għal Macron qed tidher aktar inċerta wara li Jordan Bardella, il-Kap tal-Partit estremista tal-lemin Rally Nazzjonali, żvela pjan aktar iddettaljat tal-proposti tiegħu għal Franza  — dejjem f’każ li l-partit tiegħu jikseb rebħa storika f’din l-elezzjoni.

Min-naħa tiegħu, Bardella, waqt li kien qed jelabora dwar il-kummenti ta’ Macron, qal li ‘l-ebda President Franċiż ma għandu jirreferi għall-potenzjal ta’ xi gwerra ċivili f’pajjiżu  stess’.

Hu anki enfasizza li r-Rally Nazzjonali f’każ li jingħata l-mandat biex imexxi, għandu jaħdem fuq pjan ‘li jirristawra s-sigurtà għall-poplu Franċiż kollu.’

Meta issa fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni, ir-Rally Nazzjonali jidher li għandu l-akbar appoġġ fuq livell nazzjonali, b’36 fil-mija – u meta warajh hemm il-koalizzjoni tax-xellug bl-isem Front Popolari Ġdid, b’27 fil-mija tal-appoġġ.

Sadanittant, u skont l-aħħar sħarriġ, il-Partit Renaissance (taċ-ċentru) immexxi minn Macron għandu biss 20 fil-mija tal-appoġġ popolari.