Lokali

Għaliex il-Pulizija ma investigawx il-Vitals? Gafà jfarfarha fuq il-Maġistrat Vella

“Il-Pulizija ma kellhomx aċċess għad-dokumenti”

Il-Pulizija ma setgħetx tinvestiga d-deal tal-Vitals għaliex ma kellhomx aċċess għad-dokumenti finanzjarji li nġabru bħala parti mill-inkjesta maġisterjali.

Dan huwa dak li xehed il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fejn taħt ġurament saħaq li kull darba li l-Pulizija kienu jitolbu lill-Maġistrat Vella aċċess għad-dokumenti, kienet tgħid li ma kinux għandha.

Huwa saħaq li mingħajr l-analiżi tal-esperti u r-rapporti, il-Pulizija ma setgħu jagħmlu xejn, u stqarr li d-dokumenti waslu għand il-Pulizija mal-proċess verbal.

Dan filwaqt li insista li l-Maġistrat Vella dejjem enfasizzat biex il-Pulizija jsegwu d-direzzjonijiet tagħha.

Taħt ġurament, Angelo Gafà farfar kollox fuq il-Maġistrat Gabriella Vella, madanakollu diversi esperti fl-aħħar ġimgħat insistew li xejn ma kien jipprekludi lill-Kummissarju biex jagħti ordni lill-Pulizija biex jinvestigaw il-każ… fejn tal-inqas jinterrogaw xi persuni b’rabta ma’ dan id-deal.

Tajjeb wieħed ifakkar li wara żewġ sentenzi tal-Qorti fejn sabu li dan id-deal kien wieħed frawdolenti… il-Kummissarju tal-Pulizija ma għamel assolutament xejn u wisq inqas wieġeb għad-domandi li sarulu mill-ġurnalisti, inkluż ta’ Net News li kemm-il darba ktibna sensiela ta’ domandi mibgħuta permezz ta’ e-mails.

Intant, Angelo Gafà kompla jixhed li l-Pulizija kienu kawti ħafna biex ma jħarbtux u ma jindaħlux fix-xogħol tal-inkjesta.

Dan kollu waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija kien qiegħed jixhed bħala parti mill-kawża kostituzzjonali li fetaħ Joseph Muscat fil-konfront tal-Maġistrat Vella.

Il-każ ikompli fl-24 ta’ Settembru, 2024.