Sport Waterpolo

Ġmiel ta’ backhand minn Ben Plumpton iwitti t-triq biex San Ġiljan jirbħu t-Tazza tal-President

(Ritratt: Michael Paris)

SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 12

NEPTUNES VIDEOSLOTS…….. 9

(2-2), (3-4), (4-2), (3-1)

Kompetizzjoni oħra li ntemmet bi tmiem simili. San Ġiljan rebħu t-Tazza tal-President għat-tieni sena konsekuttiva u għas-sitt darba fl-istorja. Dan kien l-għaxar unur konsekuttiv mirbuħ minn San Ġiljan (eskluż it-tournament ta’ SportMalta Cup) u jkompli jpoġġi lill-Ġiljaniżi favoriti li jirbħu aktar unuri f’dan is-sajf. Għalihom għamel id-debutt f’dan is-sajf Aaron Younger wara li kien strumentali fis-suċċess tas-sajf li għadda.

Neptunes ħarġu b’idejhom vojta minn logħba li setgħu ħadu xi ħaġa minnha kieku kienu aktar preċiżi quddiem il-lasta. Il-gowls tal-captain Stevie Camilleri għadhom importanti iżda Neptunes iridu jsibu soluzzjonijiet oħra b’aktar konsistenza. Żgur li ma kinitx ta’ għajnuna t-tkeċċija ta’ Jake Muscat wara li ġie ġġudikat li ta daqqa fl-ilma.

San Ġiljan ħadu l-vantaġġ darbtejn fl-ewwel sessjoni minn Jake Bonavia u Jeremy Abela iżda Dean Bugeja u Alec Fenech wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet.

Neptunes irnexxielhom jieħdu vantaġġ ta’ 5-3 fit-tieni sessjoni iżda sofrew daqqa ta’ ħarta lejn nofs is-sessjoni meta tkeċċa b’sostituzzjoni Jake Muscat, episodju li fih tkeċċa wkoll Daniel Tully għal San Ġiljan. It-tim ta’ Zeljko Kovacic irkupra l-iżvantaġġ sakemm Luigi Mallia skorja bi bravura u ħalla lil Neptunes 6-5 fil-vantaġġ.

Botta u risposta kkaratterizzat it-tielet sessjoni. Aaron Younger u Matthew Zammit taw vantaġġ minimu lil San Ġiljan, Stevie Camilleri u Dmitrii Kholod dawru r-riżultat iżda Jake Bonavia u Nikolai Zammit assiguraw li l-Ġiljaniżi jtemmu s-sessjoni 9-8 minn fuq.

Ġmiel ta’ backhand skorjat minn Ben Plumpton fil-bidu tal-aħħar sessjoni witta t-triq għar-rebħa ta’ San Ġiljan. Neptunes bdew ifallu aktar okkażjonijiet ta’ skor u l-gowls tal-aħwa Jake u Gabriel Bonavia għalqu l-logħba.

Fi tmiem il-logħba, il-President tal-ASA Karl Izzo ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit li b’ġest ta’ altruwiżmu għadda t-trofew lil Darren Zammit.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, D. Tully, R. Caruana, A. Younger (3), M. Zammit (1), J. Bonavia (3), B. Plumpton (1), J. Abela (2), N. Zammit (1), D. Zammit, N. Schiavone, G. Borg, G. Bonavia (1)

Neptunes: A. Borg Cole, D. Kholod (1), S. Gialanze, G. Pace, J. Camilleri, L. Mallia (1), S. Camilleri (3), M. Castillo (1), J. Muscat (1), J. Bajada, A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja (1)

Referees: Massimo Angileri, Tamas Kovacs