Graham Bencini, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal fil-Parlament li d-dejn eċċessiv hu tort tal-Gvern u l-piżijiet m’għandhomx jintefgħu fuq il-poplu.
Graham Bencini qal li d-dejn tal-pajjiż qabeż l-€10 biljun li ħafna minnu sar taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela. Dan qed jirriżutla f’ammont ta’ interessi ta’ €600,000 kuljum. Hu sostna li din hi somma inkwetanti, iżda iktar allarmanti hu li l-gvern qed jgħid li d-dejn qed jonqos kull sena u li l-pajjiż qatt ma kien f’pożizzjoni finanzjarja tajba daqs illum.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dan mhux minnu u appella lill-gvern biex jibda jgħid il-verità lin-nies. Issa, il-gvern se jibqa’ jwaħħal fl-UE minħabba d-deficit eċċessiv iżda l-gvern għandu jammetti li s-sitwazzjoni hi responsabbiltà tal-gvern u tal-gvern biss.
Il-PN wissa lill-gvern dwar il-miljuni mormija fil-korruzzjoni li għaliha qed iħallas il-poplu. Il-PN wissa wkoll lill-gvern dwar id-dejn akkumulat, wissieh li n-nefqa rikorrenti mhijiex sostenibbli u appella lill-gvern biex ma jibqax iberbaq flus il-poplu.
Graham Bencini qal li l-PN wissa lill-gvern dwar infiq żejjed fuq diversi proġetti kapitali fejn il-pixxina fil-Kottonera qabżet il-budget b’€6 miljun, il-mużew ta’ Għawdex bi €3 miljun, il-patrol boat tal-Forzi Armati b’€14-il miljun, il-park f’Ta’ Qali b’€60 miljun, l-iskola primarja tal-Imsida bi €12-il miljun, it-tennis court f’Pembroke b’€1.6 miljun, il-pixxina f’Għawdex b’€7 miljun u d-djar soċjali fl-Imsida bi €3 miljun.
Id-deputat Nazzjonalista qal li din mhijiex sitwazzjoni normali u mhux tolqot biss proġett wieħed. Hu sostna li qabel l-aħħar elezzjonijiet, il-gvern ħareġ €9 miljun f’ċekkijiet lil nies li m’għandhomx nazzjonalità Maltija iżda mhux jispeċifika għaliex dawn iċ-ċekkijiet inħarġu. Dan hu tberbiq ta’ flus il-poplu, sostna Graham Bencini.
Il-gvern berbaq il-miljuni fir-racket dwar il-benefiċċji soċjali, mijuni fil-frodi fl-isptarijiet, miljuni fil-windfarms f’Montenegro, miljuni fil-propaganda fil-PBS, €21 miljun fis-sena fl-ikbar kabinett fl-istorja u miljuni fil-propaganda tal-gvern.
Hu kompla li fl-istess waqt il-poplu għandu sfidi kbar biex ilaħħaq mal-ħajja ta’ kuljum, in-nies f’riskju tal-faqar qed jiżdiedu u l-kwalità tal-ħajja qed tonqos. Dan mhuwiex il-mod kif ikunu amministrati flus il-poplu u għalhekk il-pajjiż se jiffaċċja proċeduri ta’ deficit eċċessiv. Din il-problema ħoloqha l-gvern u m’għandux isolviha billi jitfa’ iktar piżijiet fuq il-poplu. Din għandha tissolva billi jitwaqqaf il-finanzjament tal-korruzzjoni, sostna Graham Bencini.