Lokali

“Il-ħaddiema tal-Gvern m’għandhom qatt jibżgħu” – Il-President Myriam Spiteri Debono

“Is-servizz pubbliku huwa s-sinsla tad-demokrazija f’pajjiżna u qatt m’għandhom jiddejqu jsemmgħu leħinhom jekk tittieħed deċiżjoni kontra l-interess tal-poplu.”

Hekk iddikjarat il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt id-diskors tagħha fl-għoti tar- Rikonoxximent għas-Servizz Pubbliku, fejn qalet li l-Uffiċjali tas-Servizz Pubbliku fl-operat tagħhom għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn l-istat u l-poplu u għalhekk, iridu jitmexxew mill-bon sens u l-kawtela.

Apparti minn hekk, il-President qalet li l-Uffiċjali tas-Servizz Pubbliku jridu jkunu sodi, imparzjali, u bl-ebda mod politikament partiġjani.

Waqt id-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono sostniet li l-Uffiċjali tal-Gvern għandhom dmir lejn il-poplu Malti u Għawdxi, u li jridu jħaddnu valuri ta’ governanza tajba.