Internazzjonali

Il-Kenja: Il-kapitali tinbidel f’ħuġġieġa ta’ rabja għal-liġijiet dwar it-taxxa

  •  

L-awtoritajiet f’Najrobi qed jiffaċċjaw stat ta’ emerġenza wara li gruppi ta’ dimostranti daħlu fil-kumpless li jinkorpora l-Parlament u taw in-nar lil parti mill-bini.

Dan waqt li rrankat ħuġġieġa ta’ vjolenza fil-kapitali wara li l-Kenjani marru quddiem il-Parlament biex jipprotestaw dwar liġijiet tat-taxxa ġodda li kien introduċa l-Gvern.

Il-ħsejjes tal-isparar qed jidwi madwar iċ-ċentru ta’ Najrobi, fost ir-rapporti dwar xi mejtin u għexieren ta’midruba. Dan waqt li l-membri tal-media barranija referew għal ‘katavri fit-toroq’, f’ħin meta l-pulizija kienet qed tispara l-gass tad-dmugħ fuq il-folol.

Waqt l-inkwiet, numru ta’ deputati sabu refuġju fil-kantina tal-bini tal-Parlament u wara li huma kienu għaddew abbozz ta’ liġi ġdid għall-introduzzjoni ta’ aktar taxxi.

Intant, saru wkoll il-protesti fi bnadi oħra tal-Kenja fost l-għadab tal-poplu għall-aħħar miżuri finanzjarji min-naħa tal-Gvern.