Lokali Parlament

Il-persuni non-binary għandhom bżonn empatija u rispett


Graziella Attard Previ, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fil-Parlament li l-persuni non-binary għandhom bżonn empatija u rispett fis-soċjetà.


Hi qalet li l-persuni non-binary isibuha diffiċli li jidentifikaw bħala rġiel jew nisa, u għalhekk għandhom bżonn ta’ empatija kbira ma’ dawn in-nies flimkien ma’ rispett mingħajr distinzjoni bejn il-persuni.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li hi ħażina l-assunzjoni li l-persuni huma biss irġiel jew nisa, għalhekk hi meħtieġa kampanja edukattiva akbar fis-soċjetà. Hawn ħafna persuni li qed ibatu għax qed jgħixu f’gidba u jħossuhom persegwitati, qalet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-persuni non-binary huma iktar inviżibbli mill-persuni transsesswali. Il-pajjiż donnu għadu mhux lest għal din ir-realtà anki fil-kuntest tal-lingwa fejn kollox hu maskili jew femminili.


Jirriżulta li l-persuni non-binary huma fi żvantaġġ kbir u huma diskriminati u minsija. Il-PN wera li hu dejjem favur l-inklużjoni tal-identità tal-ġeneru minkejja li dan jolqot biss sezzjoni żgħira tas-soċjetà.


Il-minoranzi għandhom ikunu aġevolati, sostniet Graziella Attard Previ, li kompliet li d-deċiżjonijiet tal-persuni non-binary dwar l-istatus tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti f’Malta anki jekk dawn isiru barra mill-pajjiż. Hi qalet li taqbel li l-età tal-persuni meta jagħżlu l-ġeneru, tinżel għal 16-il sena mingħajr il-kunsens tal-ġenituri.


Hi qalet li l-pajjiż għadu ma jittrattax bl-istess mod lill-immigranti non-binary u sostniet li l-persuni li jitilqu minn pajjiżhom minħabba abbużi fil-konfront tagħhom għad huma persuni LGBTIQ+ mhux isibu refuġju f’Malta.


Il-liġijiet Maltin jippermettu biss li ċ-ċittadini Maltin biex jibbenefikw mid-drittijiet tagħhom iżda mhumiex miftuħa għall-persuni LGBTIQ+ barranin. Din hi diskriminazzjoni li qed twassal biex dawn l-immigranti jkunu iktar imwarrba fis-soċjetà. Jeħtieġ li l-pajjiż ikun konsistenti u ma jeskludix nies LGBTIQ+ li mhumiex Maltin.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li jeħtieġ avvanzi fil-politika dwar is-saħħa sesswali li għad ma waslitx, minkejja li ilha mwiegħda snin twal. Kien fl-2010 meta tnediet l-ewwel politika dwar is-saħħa sesswali iżda wara 14-il sena, il-gvern għadu ma nediex aġġornament u evalwazzjoni għaż-żminijiet tal-lum.


Jidher li l-gvern għad irid jiftaħ il-konsultazzjoni, sostniet Graziella Attard Previ, li kompliet li l-PN iwiegħed li mill-gvern jaġġorna din il-politika b’mod immedjat. Sadattant, irid ikun hemm kampanja qawwija ta’ edukazzjoni sesswali. Il-gvern għandu jibqa’ jqassam b’xejn il-kontraċettivi li jnaqqsu l-infezzjonijiet mis-sess.


Hi semmiet il-mediċini PREP u PEP u qalet li l-gvern għadu ma introduċiex din il-mediċina b’xejn b’konsegwenza li ħafna persuni ma jistgħux jixtruha. Hi tkellmet ukoll dwar il-GU Clinic u appellat għal iktar aċċessibbiltà mit-Tnejn sal-Ħadd għaliex il-persuni li jkunu f’dawk iċ-ċirkostanzi ma jkunux jistgħu jistennew. Ma jistax ikun li l-appuntamenti jdumu xhur biex jingħataw, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li appellat biex ikun iktar faċli li n-nies ifittxu l-kura.