Lokali

Il-poplu ħaqqu jgawdi s-sajf b’bajjiet mingħajr drenaġġ – PN

Mhux aċċettabbli li, minkejja l-investimenti kollha li għamlu l-Gvernijiet Nazzjonalisti biex is-sistema tad-drenaġġ tkun aġġornata għad-dinja tal-lum, pajjiżna llum jinsab fi stat fejn għadd ta’ bajjiet pubbliċi qed ikollhom jingħalqu għall-pubbliku minħabba l-iżbroff tad-drenaġġ.

S’issa diġà rajna bajjiet bħal tal-Balluta u San Ġorġ, li huma popolari ħafna mal-Maltin u t-turisti, li kellhom jingħalqu. Għalkemm ħadd għadu ma ddikjara x’qed iwassal verament għall-iżbroff tad-drenaġġ, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk dan hux qed iseħħ għax is-sistema mhix tlaħħaq maż-żieda eżaġerata fil-popolazzjoni. Hi x’inhi r-raġuni, il-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu spjegazzjoni. Il-poplu ħaqqu wkoll pjan ċar u serju mill-Gvern biex jindirizza din is-sitwazzjoni.

Ma jistax ikun li fl-eqqel tas-sajf, il-Maltin u l-Għawdxin ma jistgħux igawdu u jistrieħu fil-bajjiet li jippreferu għax il-Gvern mhux kapaċi jindirizza problema li ħoloq stess. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jkaxkar saqajh u l-Ministru Miriam Dalli ma tistax tibqa’ twaħħal f’ħaddieħor, iżda għandhom jaġixxu immedjatament qabel ma l-problema tkompli tiggrava.

Dan kollu ntqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Mario de Marco u Rebekah Borg.