Mill-partiti tal-lum, għajnejn ħafna mill-partitarji se jmorru lejn l-aħħar logħbiet minn Grupp C, fosthom il-partita tal-Ingliżi kontra s-Slovenja. Bidu mhux daqstant mistenni mill-partitarji Ingliżi hekk kif minkejja li t-tim akkumula 4 punti minn żewġ logħbiet, il-prestazzjoni tal-iskwadra ma kinitx waħda sodisfaċenti.
L-Ingliżi qed jittamaw li jirritornaw fl-aħjar tagħhom, dan hekk kif bla dubju għandhom it-talent biex jagħmlu hekk wara r-riżultati pożittivi li rajna fl-aħħar snin fil-kompetizzjonijiet Internazzjonali. Però, minkejja t-talent individwali, l-iskwadra Ingliża donnu mhux jirnexxielha tarmonizza dawn il-plejers flimkien u toħroġ l-aħjar tagħhom mill-att kolletiv. L-Ingliżi kulma jirrikjedu huwa punt minn din il-partita biex jikkwalifkaw għar-rawnd li jmiss, madankollu b’rebħa jkunu konfermati rebbieħa ta’ Grupp C b’ 7 punti.
Min-naħa l-oħra, is-Slovenja qed ifittxu li joħolqu diżappunt u jisirqu xi ħaga minn din il-partita. Draw għas-Sloveni u riżultat favorevoli fil-partita bejn is-Serbja u d-Danimarka jfisser li s-Sloveni jispiċċaw it-tielet, bit-tama li jikkwalifikaw għall-aħħar sittax permezz tat-tielet post.
Għall-Ingliżi, id-difensur laterali Luke Shaw għadu dubjuż għal din il-partita, filwaqt li l-problemi għas-Sloveni huma ikbar, hekk kif l-istilla tat-tim Jan Oblak tilef is-sessjoni tat-taħriġ tas-Sibt, filwaqt li l-midfielders Timi Max Elsnik u Adam Gnezda Cerin mhumiex fiżikament lesti aqas.
Fil-partita l-oħra bejn id-Danimarka u s-Serbja, kull possibiltà hija miftuħa għaż-żewġ timijiet. Is-Serbi, minkejja li jinsabu fl-aħħar post b’punt wieħed biss, għadhom fiċ-ċans li jikkwalifikaw fit-tieni post. Biex dan jiġri, is-Serbi jridu jirbħu l-konfront kontra d-Daniżi, filwaqt li l-Ingilterra tegħleb lis-Slovenja.
Mill-banda l-oħra, id-Danimarka bħalissa tokkupa t-tieni post b’żewġ punti permezz tad-differenza fil-gowls. Id-Daniżi kulma jirrikjedu huwa punt u żelqa mis-Sloveni kontra l-Ingliżi biex itemmu fit-tieni post. Id-Danimarka għandha wkoll il-possibbiltà li tispiċċa fl-ewwel post jekk jegħlbu lis-Serbja filwaqt li s-Slovenja tegħleb l-Ingliżi.
L-unika plejer mhux disponibbli f’dan il-konfront huwa l-midfielder laterali Serb Filip Kostic.
Iż-żewġ logħbiet se jintlagħbu fid-9:00pm.
//= $special ?>