EURO 2024 Futbol Sport

Kollox indeċiż għal Franza u l-Olanda fl-aħħar partita minn Grupp D

(Ritratt: EPA)

Fid-6pm jibdew jintlagħbu l-aħħar żewġ partit minn Grupp D, Franza se taffronta lill-Polonja filwaqt li l-Olanda se tkun qed tilgħab kontra l-Awstrija. Żewġ konfronti kruċjali biex jiġi ddeterminat ir-rebbieħ ta’ Grupp D, kif ukoll min se jkunu ż-żewġ timijiet li se jikkwalifikaw b’mod awtomatiku u min se jilgħab xortih permezz tat-tielet post.

Franza u l-Olanda qed jokkupaw l-ewwel post b’ 4 punti u l-istess differenza ta’ gowls, filwaqt li l-Awstrija qed tokkupa t-tielet post bi 3 punti u l-Polonja fl-aħħar post bla punti.

Franza jirrikjedu rebħa bilfors jekk iridu jikkonfermaw il-kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss, u jekk iridu jkomplu jittamaw li jispiċċaw fl-ewwel post, filwaqt li l-Polonja diġà kważi tinsab eliminata hekk kif mhux biss jinsabu fl-aħħar post bla punti iżda jirrikjedu jdawru differenza ta’ 5 gowls biex jaqbżu lill-Awstrija f’każ li l-Awstrijaċi jitilfu kontra l-Olanda. Franza li kienu kkunsidirati bħala fost l-iktar favoriti għal din il-kompetizzjoni wkoll ma kellhomx l-aqwa bidu, rebħa minima ta’ 1-0 fuq l-Awstrija u draw ta’ bla gowls kontra l-Olanda hija prova ċara ta’ kemm hu arma importanit għat-tim l-istilla Kylian Mbappe, li ma kienx involut f’parti mill-ewwel partita kif ukoll it-tieni partita kollha wara li weġġa’ mnieħru.

Jidher li m’hemm l-ebda plejer mhux disponibbli għaż-żewġ timijiet, filwaqt li din il-partita mistennija tkun ir-ritorn ta’ Mbappe u anke Roebrt Lewandowski għall-Polonja.

Fil-partita l-oħra, sitwazzjoni identika ta’ Franza għall-Olanda, bid-differenza li se jkunu qed jaffrontaw avversarju iktar b’saħħtu fil-forma tal-Awstrija. It-tim immexxi mill-eks kowċ ta’ Manchester United Ralf Ragnick, ma rnexxilux jirbaħ l-ewwel partita kontra Franza minkejja l-prestazzjoni tajba, iżda patta għal dan kontra l-Polonja meta ħadu t-tliet punti f’rebħa ta’ 3-1.

Mit-Tazza tad-Dinja tal-2014, l-Olanda ma tilfu l-ebda partita fil-fażi tal-Gruppi, u sabu x-xibka f’ 10 logħbiet minn 11, l-eċċezzjoni tkun fil-partita kontra Franza nhar il-Ġimgħa.

L-Olanda jirrikjedu punt biex jgħaddu, però jirrikjedu tliet punti biex jispiċċaw l-ewwel u jittamaw li jiskorja iżjed gowls mill-Franċiżi.

M’hemm l-ebda plejer mhux disponibbli għaż-żewġ timijiet.