Lokali

Robert Abela għandu jwaqqaf minnufih il-privileġġi li ta lil Joseph Muscat – PN

Il-Partit Nazzjonalista jqis id-deċiżjoni tal-Qorti li tpoġġi lil Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u diversi persuni u kumpaniji oħrajn taħt att ta’ akkuża bħala konferma oħra li dawn għandhom ħafna għal xiex iwieġbu quddiem il-ġustizzja. Hekk stqarr ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina fi stqarrijja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jirrikonixxi l-iżviluppi li seħħew illum fil-Qorti u għandu minnufih iwarrab mill-Gvern u mill-Partit Laburista lil dawk kollha li qed jiġu akkużati b’dan l-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna.

Ebda Prim Ministru li jirrispetta l-kariga tiegħu u lil pajjiżu ma jista’ jitratta lil xi ħadd bħal Joseph Muscat bħala s-sieħeb politiku tiegħu. Robert Abela għandu jibda jqis lil Muscat ta’ dak li tassew hu: persuna akkużata quddiem il-Qorti b’reati serjissimi, bħalma huma l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus, kif ukoll li ħoloq organizzazzjoni kriminali bl-iskop li jinsteraq il-poplu Malti u Għawdxi.

Għalhekk, Robert Abela għandu jwaqqaf minnufih il-privileġġi li qed jagħti lil Joseph Muscat, fosthom l-użu ta’ Passaport Diplomatiku Malti u l-użu ta’ bini tal-Gvern f’Sa Maison għall-iskopijiet personali tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-Imħallfin u fil-Maġistrati ta’ pajjiżna, li qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom mingħajr biża’ jew favur, filwaqt li jfaħħar ukoll ir-rieda tal-prosekuturi involuti fil-proċeduri quddiem il-Qrati, li b’determinazzjoni kbira qed jiffaċċjaw u jegħlbu ostakli kbar maħluqa minn dawk li, bħal Joseph Muscat, jagħmlu minn kollox biex ma ssirx ġustizzja.