Lokali

Robert Abela jaħrab milli jwieġeb dwar il-proġett Cyclotron

Il-Prim Ministru Robert Abela totalment mhux komdu jirrispondi dwar il-proġett tas-Cyclotron hekk kif litteralment ħarab mill-mikrofonu ta’ Net News.

Din l-inizjattiva li nibtet f’pajjiżna sabiex issir riċerka u prodotti ta’ farmaċewtika b’rabta, fost oħrajn, mat-trattament tal-kanċer, swiet tal-inqas €6.6 miljun minn flus il-Maltin u Għawdxin. L-Inkjesta Vitals qed tikxef iswed fuq l-abjad li dawn il-miljuni tal-ewro ntilfu fl-abbissi tal-kumpanija MTrace mingħajr il-poplu ma gawda xejn minnhom.

Fl-Inkjesta jingħad €2.3 miljun minn fondi tal-konċessjoni, jiġifieri flus gejjin minn but il-poplu, għaddew għand Mtrace għall-proġett ta’ riċerka b’rabta ma’ mediċina tal-kanċer. Dan filwaqt li €4.3 miljun oħra ġew akkwistati minn soft loan mill-Malta Enterprise… ukoll mit-taxxi tal-poplu. Iżda dawn is-€7 miljun ħadd ma jaf bi preċiż fejn marru.

Lura fit-3 ta’ Ġunju, lill-Prim Ministru staqsejnieh dwar dawn il-miljuni… iżda hu ta x’jifhem li l-proġett kien sar.

Madanakollu, xhieda fil-Qorti marret totalment kontra dak li qed jgħid Robert Abela, hekk kif iċ-Chief Financial Officer ta’ Malta Enterprise Joseph Zammit, insista li dan il-proġett għadu mhux qiegħed jaħdem sal-ġurnata tal-lum.

Zammit saħaq li l-apparat huwa installat; iżda mhux jiffunzjona.

Għaldaqstant it-Tlieta waranofsinhar Net News stenna lil Robert Abela ħiereġ mill-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja… madanakollu hu ġera lejn il-karozza u ħarab jiġri mingħajr ma wieġeb xejn dwar x’sar minnhom dawn il-miljuni ta’ ewro li għebu għalkollox.