Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li l-ex Prim Ministru Jospeh Muscat, l-ex Ministru Konrad Mizzi, l-ex Chief of Staff f’Kastilja fi żmien il-Gvern Laburista KeithSchembri u persuni oħra jitpoġġew taħt att ta’ akkużi fuq akkużi relatati ma’ korruzzjoni fil-kuntratti tal-isptarijiet wara l-Inkjesta Vitals.
Il-Qorti ddikjarat ukoll li m’hemmx provi biżżejjed biex Sciacca Grill jitpoġġew taħt att ta’ akkuża f’dawn il-proċeduri u li għandhom jiġu ppreżentati numru ta’ dokumenti fosthom statements ta’ kontijiet bankarji f’isem il-kumpaniji.
Fil-Qorti dalgħodu kompliet il-kawża fil-konfront tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat, l-ex Chief of Staff Keith Schembri, l-ex Ministru Konrad Mizzi u oħrajn b’rabta mal-Inkjesta Vitals. Huma qed jaffaċċjaw akkużi b’rabta ma’ frodi, ħasil ta’ flus u li ffurmaw organizzazzjoni kriminali fost numru ta’ akkużi oħra.
Il-kawża bdiet għall-ħabta tal-10 am f’awla 22 u qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Preżenti fl-awla hemm l-akkużati flimkien mal-avukati difensuri kif ukoll bosta ġurnalisti.
10:00 Fil-bidu ta’ din is-seduta, l-avukat Arthur Azzopardi informa lill-Qorti li mhux se jibqa’ jirrappreżenta lil Technoline, Gateway u Eurybates. Iżda huwa se jibqa’ l-avukat ta’ Ivan Vassallo u Brian Bondin. Jidher li issa dawn it-tliet kumpaniji se jkollhom avukat tal-għajnuna legali b’Ivan Vassallo – li huwa involut fit-tliet kumpaniji – jidher sorpriż b’din id-deċiżjoni.
11:00 Fil-Qorti l-Avukat Arthur Azzopardi wera tħassib li jekk ikompli jirrappreżenta dawn it-tliet kumpaniji mhux se jitħallas tax-xogħol li se jkun qed jagħmel bil-Maġistrat Rachel Montebello tagħtih ċanfira għall-fatt li abbanduna klijent qabel infurmah.
11:15 Meta tkellem f’isem Brian Bondin, qal li m’hemmx biżżejjed evidenza li wettaq frodi u hawnhekk l-avukat Arthur Azzopardi qal li f’livell prima facie l-Qorti trid tikkonkludi jekk il-ħtija hux possibbli u ma tistax tkun potenzjal biss.
11:45 Is-sitwazzjoni fil-konfront tat-tliet kumpaniji tinbidel hekk kif jidher li issa l-Avukat Arthur Azzopardi mill-ġdid se jkun qed jirrappreżentahom hekk kif il-Maġistrat qaltlu li jista’ jissottometti applikazzjoni li titlob ħlas għal xogħol legali.
11:50 L-avukat Jason Grima, li qed jidher għal Jonathan Vella, qal li l-prosekuzzjoni ma ppreżentat l-ebda evidenza li wettaq xi att kriminali, dan filwaqt li qal li fl-Inkjesta ma kienx hemm appendiċi fuqu. Apparti minn hekk, l-avukat Grima qal li Vella kien sempliċiment qed jagħmel xogħlu hekk kif kien jaħdem bħala awditur għal Chris Spiteri.
12:15 Il-kawża ġiet sospiża għal 45 minuta fejn wara l-Maġistrat Rachel Montebello mistennija tagħti d-digriet tagħha dwar jekk hemmx biżżejjed evidenza sabiex tkompli din il-kawża.
13:05 Il-Maġistrat Rachel Montebello tidħol lura fl-Awla u twissi li d-digriet li se taqra huwa wieħed twil.
13:10 Wara li analizzat l-evidenza, l-atti relevanti kif ukoll l-evidenza fuq bażi prima facie l-Maġistratc qalet li kollox jindika li l-akkużati kollha għamlu xi att illegali ħlief Sciacca Grill – kumpanija ta’ Keith Schembri.
13:15 Intant, il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li l-imputati kollha jitpoġġew taħt att ta’ akkużi ħlief Sciacca Grill, dan apparti li qalet li għandhom jiġu ppreżentati numru ta’ dokumenti fosthom statements ta’ kontijiet bankarji f’isem il-kumpaniji.
Is-seduta se tkompli fl-1 ta’ Awwissu fl-10:00 ta’ filgħodu.
//= $special ?>