Internazzjonali

UE: L-ewwel pass importanti lejn l-isħubija tal-Ukrajna u l-Moldova

It-taħditiet formali — li bdew illum — għall-isħubija tal-Ukrajna u l-Moldova fl-Unjoni Ewropea qed jitqiesu bħala żvilupp storiku fid-dawl tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-artijiet Ukreni.

Il-ftuh tat-taħditiet, intant, qed jibbaża fuq żewġ konferenzi intergovermentali konsekuttivi  fil-Lussemburgu u fejn qed jispikkaw ir-rappreżentanti tal-Ukrajna u l-Moldova, flimkien mar-rappreżentanti ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-Belġju li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea valida għal sitt xhur.

Bħala l-Kap tad-delegazzjoni Ukrena fil-Lussemburgu hemm il-Viċi-Prim Ministru responsabbli għall-Integrazzjoni mal-Ewropa, Olga Stefanishyna, waqt li l-Prim Ministru tal-Moldova, Dorin Recean, qed imexxi d-delegazzjoni ta’ pajjiżu.

Għalkemm il-laqgħat fil-Lussemburgu huma, fil-parti kbira, simboliċi, kollox jindika, issa, li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed twettaq proċess ta’ screening aktar effiċjenti fir-rigward tal-liġijiet domestiċi tal-Ukrajna u l-Moldova.

Dan isir biex l-Unjoni taċċerta li dawn il-pajjiżi jkunu konformi mar-regoli stabbiliti tagħha għal diversi setturi — fosthom tal-enerġija, tas-sigurtà tal-ikel u tas-servizzi finanzjarji.

Fl-istess ħin, id-delegazzjonijiet tal-Ukrajna u l-Moldova preżentaw l-abbozzi għan-negozjati tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u li kienu approvati l-ġimgħa l-oħra mill-Istati membri kollha