Internazzjonali

Wikileaks: Julian Assange garantit mil-libertà wara l-‘u-turn’ tal-Istati Uniti

Julian Assange, il-fundatur tal-Wikileaks, huwa mill-ġdid raġel ħieles wara proċess legali ta’ snin li fih hu għamel minn kollox biex jirreżisti l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti. Dan wara li l-Istati Uniti kienet akkużat lil Assange bħala l-protagonista ewlieni f’kumplott għall-kisba u ċirkulazzjoni illegali ta’ informazzjoni u data b’mod li kien qed jipperikola s-sigurtà tal-Amerikani minbarra d-difiża nazzjonali.

Intant, l-Istati Uniti, issa, qed tidher li biddlet drastikament il-pożizzjoni tagħha rigward Assange u mingħajr ma provdiet spjegazzjoni dettaljata.

Min-naħa tiegħu, Assange, fl-aħħar sigħat, telaq mir-Renju Unit fejn kien ilu l-aħħar ħames snin jappella kontra l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti u li kienet qed tidher imminenti. Ir-rapporti qalu li Assange, ċittadin Awstraljan, issa laħaq ftehim mal-awtoritajiet Amerikani li permezz tiegħu hu qed jaċċerta mil-libertà fost l-ammissjoni ċara ta’ ħtija rigward akkuża ta’ spjunaġġ.

L-Amerikani kienu damu s-snin jinsistu li d-dokumenti tal-Wikileaks li ħarġu għall-konsum tal-pubbliku kienu qiegħdu l-ħajja tan-nies f’periklu minħabba li żvelaw l-informazzjoni klassifikata dwar il-gwerer riċenti fl-Iraq u l-Afganistan.

Minbarra dan il-każ, Julian Assange kien anki ffaċċja akkużi separati mill-Iżvezja rigward każi ta’ stupru u aggrediment ieħor bi skop sesswali waqt li hu kien qiegħed jgħix għal xi żmien fl-Istat Skandinav.

Assange kien dam seba’ snin magħluq fl-Ambaxxata tal-Ekwador f’Londra u fejn qal, diversi drabi, li l-każ ‘tal-Iżvezja’ kellu jwassal biex hu jintbagħat lejn l-Istati Uniti, fost il-possibbiltajiet kbar li hu jispiċċa kundannat għall-priġunerija fit-tul.

Madankollu, l-awtoritajiet Żvediżi kienu waqqgħu l-każ fl-2019 fost l-istqarrijiet li kien għadda wisq żmien mindu tressqu l-akkużi oriġinali. Iżda l-awtoritajiet Britanniċi, wara, kienu żammew lil Assange taħt arrest u fejn hu kien ipproċessat talli ma ċediex ruħu lill-qorti bħala parti mill-proċess għall-estradizzjoni potenzjali tiegħu lejn  l-Iżvezja.

Fl-aħħar sigħat, sar magħruf li Julian Assange mhux se jqatta mqar minuta fil-kustodju tal-awtoritajiet Amerikani u meta hu, ‘il quddiem, se jirritorna l-Awstralja,

Mifhum li hu, bħalissa, jinsab fi triqtu minn Bangkok, fit-Tajlandja, lejn il-Gżejjer ta’ Northern Mariana li huma parti mit-territorji tal-Istati Uniti, u bħala l-ewwel fażi tal-vjaġġ lura lejn pajjiżu.