Il-preżentatur tal-istazzjon Laburista u Eks Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, ma kienx preżenti għaċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra li ħadu lbieraħ il-kunsillieri eletti.
Fil-fatt, waqt iċ-ċerimonja tal-bieraħ, spikka n-nuqqas ta’ żewġ kunsilleri eletti f’isem il-Partit Laburista.
Sinifikanti n-nuqqas ta’ Alfred Zammit, li tilef il-post ta’ Sindku tal-Belt Valletta wara li minn Kastilja imbuttaw lil Olaf McKay. B’diversi sorsi jindikaw li Zammit lest saħansitra jirriżenja mill-Kunsill tal-Belt. Dan jaf iwassal għal co-option biex jimtela’ l-post battal li jkun ħalla Alfred Zammit fl-eventwalità li jirriżenja.
Fl-istess waqt, nies qrib ferm ta’ Alfred Zammit qed jgħidu li “s-Sindku tagħhom” mhux lest li jċedi, u se jibqa’ fil-Kunsill. Iżda l-istess persuni qed jindikaw li Zammit “mhux lest jaħdem magħhom aktar” – b’referenza għall-magna tal-Partit Laburista.
Possibbli wkoll xenarju fejn is-sitwazzjoni tant teskala li Alfred Zammit jispiċċa jħalli l-programm tiegħu fuq il-One, li huwa wieħed mill-aktar antiki u stabbiliti fuq l-istazzjon Laburista.
Nieqes ukoll miċ-ċerimonja kien hemm Corey Cordona, li ma laqax l-invit biex imur Dar il-Mediterran. Dan wara li fl-aħħar jiem diġà bagħat l-ittra tar-riżenja tiegħu lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Net News jinsab infurmat li din ir-riżenja ta’ dan il-kunsillier Laburista fin-Nadur, għadha ma ġietx aċċettata. Dan għaliex il-Ministru Clint Camilleri għadu qed jipprova jikkonvinċih biex jibqa’ fil-Kunsill tan-Nadur.
Robert Abela jitkellem dwar l-ambjent
Intant, meta kien qed jindirizza lill-kunsillieri preżenti għaċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra, il-Prim Ministru qalilhom li l-ambjent għandu jkun prijorità. Dan minkejja li għal dan l-aħħar erba’ snin ħalla l-ambjent tal-lokalitajiet ikompli jiddeterjora; bi żvilupp bla pjan u deċiżjonijiet li qerdu ċ-ċentri urbani, kif ukoll traffiku u toroq jinqalgħu għal aktar minn darba.
//= $special ?>