Internazzjonali

Arrestat wara li allegatament bagħat messaġġi ta’ rikatt lill-MP Ingliżi fl-iskandlu ta’ Westminster

Raġel ġie arrestat f’Londra mill-Pulizija Metropolitana b’rabta mal-iskandlu ta’ Westminster fejn allegatament bagħat messaġġi ta’ rikatt lill-Membri Parlamentari Ingliżi.

Fil-bidu ta’ din is-sena ħareġ fil-beraħ kif diversi rġiel, li fil-maġġoranza tagħhom jaħdmu fil-politika, irċivew messaġġi fuq WhatsApp minn persuni li kienu jsejħu lilhom infushom Charlie jew Abi. Ritratti espliċiti kienu saħansitra jintbagħtu f’xi wħud mid-drabi.

Dan il-każ wassal biex fost oħrajn, William Wragg mill-Partit tal-Konservattivi niżel mill-kariga tiegħu wara li sar magħruf li bagħat numri personali ta’ politikanti lil persuni li beda jkellem fuq dating app u eventwalment beda jiġi mhedded li jiġu ppublikati informazzjoni u ritratti li Wragg kien bagħat.

Il-Konservattiv Luke Evans ukoll qal li f’Marzu rċieva messaġġi mingħand żewġ numri differenti fuq Whatsapp li qalulu li jafuh iżda għażel li jirraporta lill-Pulizija u lill-awtoritajiet parlamentari mal-mument li seħħ kollox.