EURO 2024 Sport

Gareth Southgate fil-mira tal-partitarji Ingliżi

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ Ingliż Gareth Southgate kien fil-mira tal-partitarji Ingliżi li kienu f’Cologne jsegwu l-aħħar partita tat-tim Ingliż minn Grupp Ċ kontra l-Islovenja li ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Numru ta’ partitarji fi tmiem il-partita tefgħu tazzi tal-birra vojta lejn il-kowċ Ingliż waqt li kien qed isellmilhom. L-Ingilterra temmet l-ewwel fi Grupp Ċ b’ħames punti u avvanzat għall-fażi tal-aħħar 16 tal-kompetizzjoni.

F’kummenti wara l-partita Southgate qal li qatt ma stenna reazzjoni bħal dik minn partitarji, li t-tim tagħhom kwalifika għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni. Hu żied jgħid li jemmen li t-tim tiegħu qed iħallas għall-prezz għal mod kif it-tim kien qiegħed jilgħab fl-aħħar sitt snin hekk kif fi kliemu stess qal li l-logħob tat-tim Ingliż kien qed ikun pjaċevoli.

Fl-aħħar jiem Gareth Southgate kien ukoll qed ikun attakkat mill-midja Ingliża għall-mod ta’ kif it-tim Ingliż kien qed jilgħab hekk kif rebaħ biss tnejn mill-aħħar tmien partiti. Southgate kien ukoll kritikat għas-selezzjoni tal-iskwadra li ħa għall-EURO 2024 wara li ħalla barra numru ta’ plejers ta’ esperjenza fosthom Marcus Rashford u Jack Grealish.