Charles Azzopardi, PN
Id-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-Gvern Laburista hu vvizzjat bil-korruzzjoni.
Charles Azzopardi qal li issa hu ż-żmien li l-PN ifiehem li dan mhux pajjiż li qed jitmexxa b’ġustizzja. Għalhekk il-PN irid jara li l-poplu jifhem dak li hu sewwa u jixtarr iċ-ċirkostanzi kollha li għadda minnhom. Il-PN għandu jibqa’ jikkonvinċi u joffri t-tama u l-viżjoni biex il-ġenerazzjonijiet futuri jibqgħalhom id-dinjità u pajjiż li jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fih. It-tmexxija m’għandhiex tkun biss għal tal-qalba iżda trid tagħti t-tama lill-pajjiż biex il-poplu jirnexxi.
Hu qal li Malta spiċċat stat faxxista fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jiddeċiedi hu fejn jinvestiga u fejn ma jinvestigax; anki jekk dan hu dmiru quddiem każi kriminali. Malta tneżżgħet minn dik in-normlità u kredibbiltà li kellha qabel. Dan il-Gvern Laburista, flok ħa l-korruzzjoni bis-serjetà, għamilha piż u sar monument ewlieni tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata mill-għeruq.
Dan hu gvern li jipprova jaħsel l-imħuħ iżda l-poplu wera li ż-żmien li l-gvern jidħak bihom spiċċa. Il-poplu beda jifhem li dan hu gvern tal-patt imxajtan maħdum qabel l-elezzoni tal-2013; Gvern Laburista vvizzjat u kompromess li ta wisq keded lil dan il-pajjiż.
Dan il-gvern għandu Prim Ministru li kompla jimbotta l-karru tal-korruzzjoni kif għamel il-Prim Ministru ta’ qablu. Il-klikka tar-raba’ sular ħolqot klikka fi gvern li biegħ ruħu għall-flus. Il-foqra llum qed jiżdiedu għaliex il-PL sar il-gvern tas-sinjuri li jieklu mal-biljunarji.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista qed jipprova jidħak bin-nies u sostna li f’Diċembru tal-2012 l-Kap tal-Opożizzjoni Laburista Joseph Muscat ried jara kif jagħmel biex id-Deputat Mexxej Laburista jkun Louis Grech biex ikun jista’ jitwettaq il-pjan imxajtan. Għalhekk neħħa lill-Kummissarju John Rizzo li kien onest u serju li kien jemmen fil-Korp tal-Pulizija.
Charles Azzoaprdi kompla li b’John Rizzo, Joseph Muscat ma kienx jagħmel ir-road map li ried u sostna li l-Kummissarju l-ġdid ta’ warajh, Peter Paul Zammit, kien iddikjara li ma kienx hemm każ kontra John Dalli li kien tpoġġa wkoll konsulent ta’ Muscat fuq l-isptarijiet. Għalhekk twarrab l-eks ministru Godfrey Farrugia minn Ministru tas-Saħħa. Kieku baqa’ John Rizzo Kummissarju, is-saltna tad-dritt kienet tibqa’ titwettaq u ma kienx ikun hemm il-korruzzjoni li saret, u Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel.
Kieku l-gvern ma tax €400 miljun lil Stewrad u Vitals, kien ikun jista’ jinvesti biex jgħin lin-nies li tant għandom bżonn quddiem il-mard. Iżda dan hu gvern li abbuża mill-fondi għall-kura tal-kanċer, sostna Charles Azzopardi.