Il-Moviment Graffitti illum qed jippubblika filmat li juri l-isfreġju ambjentali li l-liġi difettuża tal-appelli qed tħalli madwar Malta u Għawdex.
Il-filmati juru b’mod partikolari l-ħerba ambjentali li saret fil-Qala. Il-permess (PA/08143/21) għal pixxini enormi fl-ODZ tal-Qala ġie ddikjarat bħala illegali mill-Qorti f’Marzu li għadda, iżda minħabba kif qiegħda l-liġi dwar l-appelli fil-preżent, ix-xogħlijiet laħqu bdew u tlestew waqt li l-proċess tal-appell kien għadu għaddej.
L-istorja tal-Qala turi t-tnawwir bla qies li jeżisti f’settur tal-ippjanar maħkum mill-iżviluppaturi. Meta f’Ottubru tal-2021 kien ġie rrappurtat li l-iżviluppatur Joseph Portelli u l-imsieħba tiegħu bdew iħaffru għal żewġ pixxini enormi mingħajr permess fuq art ODZ fil-Qala, il-Moviment Graffitti immedjatament irrapporta l-illegalità mal-Awtorità tal-Ippjanar. Iżda x-xogħlijiet illegali baqgħu għaddejjin b’impunità assoluta. Joseph Portelli kien saħansitra stqarr pubblikament li, filwaqt li kien minnu li x-xogħlijiet huma illegali, huwa ma għamel xejn ħażin għax kien ċert li se jikseb il-permess.
Fil-fatt, ftit wara applika biex jikseb permess għaż-żewġ pixxini illegali fuq l-ODZ, u ftit tax-xhur wara, l-Awtorità tal-Ippjanar, approvathom.
Il-Moviment Graffitti u l-Kunsill Lokali tal-Qala ngħaqdu flimkien u appellaw dan il-permess. Il-Qorti ħassret il-permess u ddikjarat li l-pixxini huma illegali.
Iżda sforz il-liġi difettuża li tippermetti li xogħlijiet illegali jilħqu jibdew u jitlestew waqt li jkun għaddej appell, dawn il-pixxini issa laħqu nbnew. L-istess ġara lil parti sostanzjali mill-binja enormi li radmet lill-Qala, eżatt ħdejn dawn il-pixxini. It-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) ħassar il-permess (PA/09606/19) għal 63 appartament fuq erba’ sulari, iżda dawn ukoll kienu laħqu nbnew.
Minkejja li Robert Abela wiegħed riforma tal-liġi tal-appelli f’Mejju tal-2023, ir-riforma għadha ma seħħitx
Kif juri l-filmat, din il-liġi assurda ma ħallietx ħerba ambjentali fil-Qala biss, imma anki fil-Mistra, fost ħafna każijiet oħrajn.
F’April 2024, il-Moviment Graffitti talab lill-Prim Ministru biex tiddaħħal din ir-riforma u biex jitneħħew il-pixxini illegali fl-ODZ tal-Qala. S’issa, iżda, għadu ma sar xejn. Filwaqt li l-Gvern dejjem pront jaqdi lill-iżviluppaturi mill-koxxa, huwa jimxi b’pass ta’ nemla, jew ma jagħmel assolutament xejn, fir-rigward tar-riformi meħtieġa biex jagħtu farka diċenza fil-qasam tal-ippjanar.
Liġi għall-allat u oħra għall-annimali.
//= $special ?>