Internazzjonali

Il-fundatur ta’ WikiLeaks joħroġ liberu mill-Qorti ta’ Saipan wara li ammetta l-akkużi kontrih

Il-Qorti Amerikana ta’ Saipan waslet fi qbil mal-avukati tal-editur Awstraljan, Julian Assange, sabiex jinħeles mill-akkużi miġjuba kontrih fuq għadd ta’ kundizzjonijiet.

Julian Assange huwa l-fundatur ta’ WikiLeaks, sit li fih ippubblika bosta rapporti uffiċjali kunfidenzjali jew ristretti relatati mal-gwerra, l-ispjunjar u l-korruzzjoni, fejn fost l-oħrajn, fl-2010 ħareġ filmat minn ħelikopter militari Amerikan li wera persuni ċivili qed jinqatlu f’Bagdad u ppubblika wkoll eluf ta’ dokumenti kunfidenzjali li ssuġġerew li l-militar Amerikan kien qatel mijiet ta’ ċivili f’aħbarijiet mhux irrappurtati fil-gwerra tal-Afganistan.

Il-ftehim li sar fisser li Assange ġie liberu li jirritorna lura f’art twelidu, fl-Awstralja, u ġab fi tmiemu saga legali ta’ 14-il sena.

Hu kien ikkundannat għal żmien skontat, mingħajr perjodu ta’ sorveljanza jew piena finanzjarja quddiem il-fatt li diġà skonta ħames snin fil-ħabs ta’ Belmarsh, f’Londra, b’sigurtà għolja u seba’ snin fl-ambaxxata tal-Ekwador, f’Londra.

Meta tkellmu ma’ ġurnalisti barra l-qorti ta’ Saipan, l-avukati tiegħu sejħu l-prosekuzzjoni “bla preċedent” u attakkaw fuq il-libertà tal-kelma, iżda qalu li wasal iż-żmien li l-ġlieda tintemm.

Immedjatament wara s-seduta ta’ tliet sigħat, il-gvern Amerikan irtira t-talba tiegħu għall-estradizzjoni mir-Renju Unit, waqqa’ l-akkużi kollha li kien fadal pendenti fl-Istati Uniti, u pprojbixxa lil Assange milli jirritorna l-Istati Uniti mingħajr permess.

Julian Assange mar dritt lejn l-ajruport u kellu jasal l-Awtralja fis-sigħat ta’ wara.