Lokali

Il-Gvern għandu immedjatament u pubblikament jiċċara l-pożizzjoni tas-sitwazzjoni fil-ħabs – PN

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri għandu jikkjarifika mingħajr dewmien dak li qed jiġi rrappurtat mill-ġurnalisti dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal għolja fil-ħabs ta’ Kordin.

Fi stqarrija, Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, qal li wara li ġie rrapurtat illi l-Head of Strategy tal-ħabs, Svetlana Muscat, tinsab fuq forced leave b’rabta ma’ allegazzjoni serja ħafna dwar laqgħat sigrieti f’uffiċċju f’Kordin biex persuni jiltaqgħu ma’ persuna miżmuma l-ħabs – il-Ministru Camilleri għandu immedjatament u pubblikament jiċċara l-pożizzjoni tas-sitwazzjoni fil-ħabs. B’mod speċjali, meta l-allegazzjonijiet huma li dan seħħ b’rabta ma’ Yorgen Fenech, il-persuna akkużat bħala l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u persuna li kien wieħed mill-imħuħ wara l-investiment tal-power station tal-gass, Electrogas.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lill-Ministru Camilleri sabiex jiċħad jew jikkonferma jekk dak irrappurtat dwar dawn il-laqgħat sigrieti humiex minnhom jew le, u kif ukoll:

  • Jagħti r-raġuni għalfejn ingħata forced leave lill-Head of Strategy tal-ħabs Svetlana Muscat;
  • X’passi oħra ttieħdu fil-konfront ta’ Svetlana Muscat, u jekk ittiħdux passi wkoll fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u/jew terzi;
  • Jekk hu minnu li saru dawn il-laqgħat, dwar xiex kienu u jekk kienx hemm xi rabta ma’ proċeduri pendenti l-Qorti jew inkella dawn il-laqgħat saru dwar raġunijiet estraeni li se jiġu investigati;
  • Xi proċedura ġiet adottata sabiex Svetlana Muscat, minn communications coordinator, ingħatat l-inkarigu ta’ Head of Strategy f’Kordin, u fl-istess ħin jipprovdi l-esperjenza u r-rekwiżiti li għandha sabiex setgħet tokkupa tali kariga.

Darren Carabott qak li f’dawn il-mumenti tant delikati, il-poplu jeħtieġ li jkollu informazzjoni immedjata u ċara dwar dawn l-allegazzjonijiet. Huwa fl-interess tal-Ministru Camilleri li jindirizza mal-ewwel u mingħajr dewmien dawn l-allegazzjonijiet li kapaċi jċappsu isem l-amministrazzjoni tal-ħabs f’Kordin.

Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi qal li dawn huma sigħat delikati, li jeħtieġu risposta immedjata mill-politiku responsabbli għal dawn l-allegazzjonijiet.