Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi aktar rispett lejn il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ bi pjaċir id-diskors li għamlet il-President ta’ Malta, Miriam Spiteri Debono, fejn fakkret li, “Is-Servizz Pubbliku huwa wieħed mill-gwardjani tal-governanza tajba.” 

Dan huwa eżattament dak li ilu jisħaq fuqu l-Partit Nazzjonalista u ċioè li dawk kollha li jaħdmu maċ-ċivil u fis-Servizz Pubbliku, għandhom l-obbligu li jħarsu mhux biss il-governanza tajba imma għandhom ukoll jaċċertaw li l-ħidma tagħhom ixxekkel lil min jipprova juża s-sistema b’mod abbużiv jew korrot.

F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna lill-Gvern ta’ Robert Abela jonfoq flus kbar f’eżerċizzju biex ifaħħar u jgħolli l-immaġni tas-Servizz Pubbliku, imma fl-istess nifs, Robert Abela stess waħħal fil-ħaddiema taċ-ċivil u tas-Servizz Pubbliku għar-riżultat negattiv tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi aktar rispett lejn il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u taċ-Ċivil, u jtenni li għandu fiduċja fil-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinkoraġġixxi lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u taċ-Ċivil biex jimxu mas-sewwa u mal-ġustizzja fid-dmirijiet tagħhom u ma jċedux għall-pressjonijiet li qed isirulhom minn min suppost huwa ta’ eżempju għal ħaddieħor.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabate Claudette Buttigieg.