Sport

It-tims nazzjonali Maltin tal-basketball fl-azzjoni

It-tim Nazzjonali Malti tal-irgiel daħal fl-azzjoni fil-Kampjonat tal-Ewropa għal Pajjiżi Żgħar fi ħdan il-FIBA, f’Andorra, u tilef il-logħba kontra Ġibiltà  88 – 81.

It-tim Malti mmexxi minn Duncan Fenech, wara li tilef l-ewwel sessjoni 26 – 11, wettaq reazzjoni fit-tieni sessjoni li ddomina 32 – 16. Madankollu, Ġibiltà rebħu s-sessjonijiet ta’ wara 19 – 17 u 28 – 21 biex għalqu 88 – 81.

L-aħjar scorer fil-partita kien Miguel Ortega għal Ġibiltà, b’27 punt filwaqt li għal Malta Michael Sjoberg għamel 19-il punt u Kurt Cassar 16-il punt.

Fl-istess grupp ta’ Malta hemm ukoll San Marino u Andorra.

Sadattant, fi Pristina, it-tim Nazzjonali Malti tan-nisa mmexxi minn Charles Bonnici fetaħ l-impenji tiegħu kontra l-Kosovo u rebaħ 72 – 65.

It-tim Malti wara li rebaħ l-ewwel żewġ sessjonijiet 19 – 18 u 19 – 12, minkejja li tilef it-tielet sessjoni 20 – 12, wettaq reazzjoni fl-aħħar sessjoni li rebaħ 22 – 15 biex għalaq il-partita 72 – 65.

L-aħjar scorer għal Malta kienet Amber Melgoza b’21 punt, filwaqt li Danika Galea u Steffi DeMartini għamlu 14 u 11-il punt rispettivament.

Fl-istess grupp ta’ Malta hemm ukoll il-Georgia u Ċipru.