Lokali

“L-akbar daqqa li jieħu l-Korp jekk jiġġedded il-kuntratt ta’ Gafà”

Issa għaddew erba’ snin mindu Angelo Gafà ngħata r-responsabbiltà tal-Korp tal-Pulizija. Snin li matulhom rajna skiet totali, nuqqas ta’ azzjoni, kontroversji… u Kummissarju ‘l bogħod mill-iskrutinju tal-midja.

Il-kuntratt ta’ Gafà wasal fi tmiemu, u hemm tħassib kbir dwar x’se jkun qed jiġri meta dan il-kuntratt jiskadi. Għalkemm Angelo Gafà qed jgħid li se jerġa’ jiġġeddidlu l-kuntratt għal erba’ snin oħra. Dan ikkonfermah il-Kummissarju stess mas-sit The Critical Angle Project.

Fuq Net Television, l-opinjonista, George Vital Zammit insista li l-Korp tal-Pulizija spiċċa dimotivat taħt Angelo Gafà.

“L-akbar daqqa li jieħu l-Korp tal-Pulizija huwa meta jsir jaf li ġġedded il-kuntratt ta’ Angelo Gafà għal erba’ snin oħra.”

Fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista ddikjara b’mod ċar li t-terminu tiegħu m’għandux jiġi mġedded.

George Vital Zammit jiddeskrivi l-imġiba ta’ Gafà bħala waħda diżappuntanti.

“Anġlu Gafà huwa kummissarju li f’dawn l-aħħar 4erba’ snin, naħseb, l-imġiba tiegħu left a lot to be desired,” qal Vital Zammit. “L-ewwel qalilna li kien kommess li jagħti press conferences u crime conferences b’mod regolari. Kuntatt mal-midja. Ma seħħitx. Ir-renewal fuq liema bażi qed issir? Il-kuntratt tiegħu x’inhu?”

Huwa kompla jgħid li dan kollu wassal għal nuqqas ta’ azzjoni, fost l-oħrajn, fil-każ ta’ Vitals.

“L-esperti jgħidulek li m’għandikx bżonn l-Inkjesta tal-Maġistrat biex inti tagħmel l-investigazzjoni tiegħek. Dan iserraħ fuq il-Maġistrat, ma ra xejn ħażin, ma deherlu li m’hemm xejn suspettuż. U m’għamel xejn.”

U kien hawnhekk fejn għadda dan l-appell.

“Jekk inħobbu l-Korp, u jekk irridu li l-Korp ikollu daqsxejn ta’ dinjità – il-Korp ma ttiħx id-dinjità billi tbiddel l-uniformi, jew billi ddaħħal karozzi elettroniċi; dawk huma affarijiet kosmetiċi – il-Korp għandu bżonn leadership.”