Lokali

Missio Malta tiċċelebra l-ħajja fl-ewwel edizzjoni ta’ Seasons

Missio Malta organizzat l-ewwel edizzjoni ta’ Seasons, serata gala spettakolari li ċċelebrat l-erba’ staġuni tas-sena, nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju fi Piazza D’Armi, fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta. Għall-avveniment attendew voluntiera, benefatturi u ħbieb ta’ Missio Malta, bħala sinjal ta’ rikonoxximent għas-sostenn u s-solidarjetà tagħhom.

Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti, Victor Agius, Direttur Nazzjonali ta’ Missio Malta, esprima l-gratitudni tiegħu għax-xogħol li sar minn dawk kollha li kellhom il-ħidma ta’ Missio Malta għal qalbhom. “Missio għandha ħolma, dik li toħloq dinja ġusta u ekwa, fejn kulħadd ikollu opportunità ndaqs biex jirnexxi. Għalhekk Missio Malta twettaq proġetti biex issostni komunitajiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u tgħinhom jibqgħu fuq saqajhom,” qal Victor Agius. “Aħna determinati li nkomplu naħdmu f’dan is-sens, nużaw il-kreattività u l-enerġija tagħna, biex noħolqu komunitajiet sostenibbli li jistgħu jgħinu lil oħrajn fil-bżonn.”

Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fond, innota kif fis-snin li għaddew Missio Malta ħadmet biex ittejjeb il-mod kif tikkomunika l-messaġġi tagħha, sabiex tilħaq udjenza usa’, billi tuża kanali innovattivi u midja ġodda.

“L-għan ewlieni tagħna jibqa’ l-messaġġ ta’ tama ta’ Missio,” qal Robert Farrugia. “Aħna sodisfatti li dejjem insibu lill-benefatturi tagħna lesti li jgħinuna kull meta noħolmu proġett li jagħmel differenza fil-komunitajiet li ngħinu, bħal xi skola jew klinika, jew ċentru tal-komunità. Aħna eternament grati lejn l-appoġġ tagħkom, fl-għarfien li mingħajru ma nkunux nistgħu niksbu biss parti tar-riżultati li niksbu,” qal lill-benefatturi u l-voluntiera preżenti.

Fil-ftuħ ta’ Seasons, Angie Laus li mexxiet is-serata, irriflettiet fuq it-tema tal-avveniment, l-istaġuni li jipprovdu r-ritmu għas-sena. “Il-passaġġ taż-żmien huwa żifna grazzjuża li tlaqqagħna mal-istaġuni bħallikieku ħbieb antiki, uħud minnhom nithennew li niltaqgħu magħhom mill-ġdid, oħrajn forsi ftit inqas minħabba l-preferenzi personali tagħna,” qalet il-preżentatriċi. Il-kumplament tas-serata kompliet b’repertorju ta’ kanzunetti mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, li kien ispirat mill-erba’ staġuni. Il prestazzjonijiet inkludew Seasons of Love mill-musical ‘Rent’, ‘Here comes the Sun’ tal-Beatles, u ‘Vianne Sets Up Shop’ mill-film Chocolat.

Il-vjaġġ gastronomiku, imħejji minn Neriku Caterers, flimkien mal-koreografija ta’ Art Haus, irrakkuntaw is-sajf, il-ħarifa, ix-xitwa, u r-rebbiegħa, f’esperjenza immersiva u memorabbli. Delicata Winery, Nexos Lighting, u Sign It, ukoll taw l-appoġġ tagħhom għal-lejla ta’ suċċess.

L-avveniment kien appoġġjat minn AASK Ltd, sostenitur ta’ Missio Malta, li qed jiċċelebraw l-20 anniversarju tagħhom. Fil-fatt, biex ifakkru l-okkażjoni importanti, il-kumpanija ddeċidiet li tkun l-isponsor ewlieni tal-avveniment. Xogħlijiet ta’ arti mit-Tanżanija u l-Uganda kienu wkoll esebiti u għall-bejgħ, waqt is-serata.