Mark Anthony Sammut, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna fl-Aġġornament li f’Pembroke u fil-Gudja hemm problemi kbar ta’ traffiku u parkeġġi li l-gvern mhux qed isib soluzzjonijiet għalihom.
Mark Anthony Sammut qal li l-komunità ta’ Pembroke qed tiffaċċja diffikultajiet kbar quddiem ix-xogħlijiet li qed isiru fil-lokal. Hu qal li m’għandux ikun aċċettat li biex isiru x-xogħlijiet ir-residenti jbatu u jitwarrbu fil-ġenb.
Id-deputat Nazzjonalista appella biex l-awtoritajiet jinfurzaw l-istandards biex ir-residenti jkunu rispettati. Dawn l-awtoritajiet illum huma ineżistenti fil-pajjiż bil-konsegwenza li n-nies qed iħossuhom mhux protetti.
Mark Anthony Sammut qal li hemm toroq f’Pembroke fejn ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin xhur u numru ta’ residenti ġarrbu ħsara fil-proprjetà. Dawn ix-xogħlijiet qed ikissru l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u hemm konsegwenzi fuq is-saħħa tan-nies, fosthom tat-tfal.
Hu kkritika l-mod kif qed jerġgħu jinqalgħu xogħlijiet fit-toroq f’Pembroke u sostna li z-zona għadha bi problema ta’ qtugħ tad-dawl. Dwar it-traffiku hu qal li Pembroke hu effettwat bil-kbir minħabba devjazzjonijiet insepjgabbli li qed isiru minħabba x-xogħlijiet. Sar kważi impossibbli biex in-nies tidħol f’Pembroke fejn anki l-istages tal-linja qed jitneħħew iżda ma jsirux oħrajn alternattivi.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-proġett li hemm għaddej flok dak li kien l-ITS qed joħloq ħmieġ u storbju u fejn in-nies ma jistgħux jgħixu fil-paċi. Xi xogħlijiet qed isiru anki bil-lejl u l-inġenji qed jitħallew bil-magni mixgħula u mpoġġija f’postijet li joħolqu inkonvinjent.
Mark Anthony Sammut fakkar x’kien wiegħed il-kunsill lokali ta’ Pembroke dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħlijiet fil-lokal u qal li quddiem din is-sitwazzjoni, il-polu ta’ Pembroke tkellem fl-aħħar elezzjonijiet fejn kien biss għal seba’ voti li l-PN ma kisibx il-maġġoranza fil-kunsill lokali ta’ Pembroke.
Mark Anthony Sammut tkellem ukoll dwar il-Gudja u qal li fil-lokal hemm problema maħluqa minn deċiżjoni mgħaġġla tal-gvern dwar il-problema tal-parkeġġ tal-karrozzi li jitħallew ipparkjati fil-Gudja minn dawk li jsiefru u jħallu l-karozzi l-Gudja.
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li fl-2012, fil-Gudja, kienet iddaħlet skema ta’ parkeġġ residenzjali iżda fl-2013 l-iskemi fil-lokalitajiet kienu ffriżati u għadhom iffriżati wara 13-il sena.
Fl-2018 kien hemm proposta mill-kunsilliera tal-PN għal by-law li tpoġġi limitu ta’ parkeġġ fil-Gudja għal min mhux resident għal 24 siegħa. Din kienet taffettwa biss lil dawk li ma jgħixuh il-Gudja. Din l-iskema kienet saret fuq parir legali ta’ Andy Ellul u kellha l-approvazzjoni tal-awtoritajiet iżda minħabba pika partiġjana dik tħalliet pendenti.
Issa l-gvern nieda skema ta’ parkeġġ fil-Gudja bla kosultazzjoni li fiha mit-8 pm ‘l quddiem ħadd li mhux resident ma jista’ jipparkja f’numru ta’ toroq fil-Gudja. Din ħolqot ukoll problema f’diversi toroq oħra u f’dawk it-toroq fl-iskema ħadd ma jista’ jmur wara t-8 p.m.
Il-gvern qed jibdel din l-iskema u beda jingħata permess biex familjari tar-residenti jipparkjaw il-Gudja. Din ma kinitx konvenjenti għaliex il-familjari tar-residenti riedu jitolbu permessi biex jipparkjaw fil-Gudja.
Mark Anthony Sammut qal li l-gvern qed jitfixkel fuq in-nies tant li ministru tal-gvern kien qal fil-Parlament li hu u l-mara tiegħu applikaw f’din l-iskema għaliex jgħixu fil-Gudja. Kieku m’applikawx ma kienx ikun possibbli għalihom biex imorru d-dar bil-karozza.
Id-deputat Nazzjonalista qal li din il-problema għandha tkun solvuta billi l-gvern jitkellem mal-kunsill lokali l-ġdid tal-Gudja li fih hemm qbil biex tinstab soluzzjoni immedjata.