Internazzjonali

Tfittxija għal żagħżugħ ta’ 19-il sena li sparixxa f’Tenerife… fl-istess waqt jiġi salvat raġel f’diffikultà

Il-Pulizija Spanjola għaddejja bi tfittxija intensiva għal żagħżugħ Ingliż ta’ 19-il sena, Jay Slater, li disat ijiem ilu sparixxa wara li deher l-aħħar jara partita futbol tal-Euro 2024, f’Tenerife.

F’telefonata li ż-żagħżugħ għamel qabel ġie rrapurtat nieqes, huwa qal li tilef il-karozza tal-linja li kellu jieħu minn Masca għall-post ta’ akkomodazzjoni f’Los Cristianos u b’hekk ħa d-deċiżjoni li minflok jimxiha – vjaġġ li kien se jeħodlu mal-11-il siegħa. Huwa qal ukoll li ma kienx ċert fejn jinsab, kellu bżonn ilma tax-xorb u l-mobile kien wasal biex jintefa’ għax bla charge.

Jidher li waqt li kienet għaddejja din il-ħidma sabiex jinstab iż-żagħżugħ, il-Pulizija ġew mgħarrfa li spiċċaw isalvaw raġel ieħor ta’ 51 sena li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien fl-istess zona li Slater deher l-aħħar. Huwa nqabad f’gorge u kien ilu rrapurtat nieqes għal sigħat sħaħ, bl-awtoritajiet jgħidu li jista’ jqis ruħu fortunata hekk kif ma kienx hemm mezz kif joħroġ waħdu.